Joseph Howard
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Joseph Howard twieled il-Belt Valletta fl-1862. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u wara siefer biex ikompli jistudja bħala uffiċjal fl-Akkademja Militari Franċiża. Industrjalist u f'Malta żviluppa l-industrja tat-tabakk. Kien maħtur f'diversi kumitati u kummissjonijiet tal-Gvern imwaqqfin għall-iżvilupp tal-Kummerċ u l-Industrja. Għal diversi snin President tas-Soċjetà ta' l-Arti, Manifattura u Kummerċ. Kien ukoll għal xi żmien Konslu ta' Malta għall-Ġappun. Fl-1912 kien elett bħala membru tal-Kunsill tal-Gvern wara li kien nominat mill-Comitato Patriottico. Fl-1921 issieħeb ma' l-Unione Politica Maltese u fl-istess sena kien elett Senatur fl-Ewwel Parlament Malti. Peress li Mons. Injazju Panzavecchia, li kien il-mexxej ta' l-UPM, ma kienx aċċetta li jkun il-Prim Ministru, il-Gvernatur Plumer offra l-kariga ta' Prim Ministru lil Joseph Howard. Fil-fatt dan mexxa l-Ewwel Gvern Malti bejn is-26 ta' Ottubru, 1921, u t-13 ta' Ottubru, 1923.
Howard baqa' magħruf għas-sens ta' tolleranza u esperjenza amministrattiva li kellu. Kien għal xi żmien ukoll President tal-Banda Filarmonika La Valette u fil-Kumitat tal-Konservatorju Vincenzo Bugeja. Kien onorat uffiċjalment bit-titlu ta' O.B.E., mir-Re ta' l-Ingilterra. Huwa miet fl-20 ta' Mejju, 1925.
Preċedut minn: -- |
Prim Ministru 1921–1923 |
Suċċedut minn: Francesco Buhagiar |