Pawlu Boffa
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
SIR PAUL BOFFA (1890-1962)
Pawlu Boffa, is-sitt Prim Ministru ta’ Malta, twieled il-Birgu, fit-30 ta’ Ġunju, 1890, iben Carmelo u Carmela nee’ Serracino. Huwa studja fl-iskola Primarja tal-Birgu, fil-Liċeo u fl-Universita’ Rjali ta’ Malta fejn iggradwa bħala tabib fl-eta’ ta’ 23 sena. Fis-16 ta’ Jannar, 1921, iżżewweġ lil Genoveffa Ceci u kellhom erbat itfal. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, Boffa serva fir-Royal Army Medical Corps, fejn wettaq servizz mediku fuq vapuri li kienu jiġu Malta bil-feruti tal-gwerra.
Il-karriera politka ta’ Sir Paul Boffa bdiet fis-sena 1923 meta ngħaqad mal-Partit Laburista u fl-1924 ġie elett għall-ewwel darba bħala Membru fl-Assemblea Leġislativa għall-Ħames Distrett. Fl-1928, it-Tabib Boffa ġie maħtur Mexxej tal-Partit Laburista. Bejn l-1927 u l-1932 il-partit Laburista u l-Partit Kostituzzjonali ingħaqdu u kien iffurmat il-Gvern tal-Compact. Kien elett fil-Parlament ukoll fl-1927 u fl-1932. Fl-1936 ġie maħtur Membru tal-Kunsill Eżekuttiv u fl-1939 ġie elett bħala Membru tal-Kunsill tal-Gvern. Ġie elett ukoll għat-Tieni Sessjoni tal-Kunsill tal-Gvern, li saret f’Novembru, 1945.
Fl-1947 il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni u t-Tabib Boffa sar l-ewwel Prim Ministru Laburista u baqa’ sa Settembru 1950. Minħabba f’inkwiet fil-Partit Laburista, Pawlu Boffa tneħħa minn mexxej tal-Partit fl-1949 u fl-1950 waqqaf il-Malta Workers’ Party. Fl-elezzjoni ta’ 1951, il-Malta Workers’ Party għamel koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista u Boffa ngħata l-kariga ta’ Ministru tas-Saħħa u Servizzi Soċjali.
Sir Paul Boffa rtira mill-ħajja politika fit-13 ta’ Jannar, 1955. F’Ġunju 1941 għall-kontribut qalbieni b’risq ħutu l-Maltin ir-Re Ġorg IV ħatar lit-Tabib Boffa bħala Uffiċjal ta’ l-Imperu Brittaniku (O.B.E.) u f’Jannar 1956 kien onorat mir-Reġina Eliżabetta II bit-titlu ta’ Knight Bachelor, bit-titolu Sir.
Huwa miet fid-dar tiegħu f’Ħal-Tarxien, fis-6 ta’ Lulju, 1962, fl-eta’ ta’ 72 sena.