Frans Sammut
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Frans Sammut (1945 - ) huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa kittieba li għandna f'pajjiżna. Huwa studja fl-iskola primarja ta' Ħaż-Żebbuġ, fil-Kulleġġ San Alwiġi (sekondarja), fil-kulleġġ St Michael's Teacher Training College, fl-Università ta' Malta (B.A., S.Th. Dip., M.Ed.), kif ukoll fl-Università ta' Peruġja (diploma li tippermettilu li jgħallem it-Taljan barra minn Malta).
L-ewwel darba li Frans Sammut ingħata importanza kien fl-aħħar snin tas-sittinijiet meta flimkien ma' persuni oħra waqqaf il-Moviment Qawmien Letterarju. Aktar tard, huwa kien ukoll is-segretarju ta' l-Akkademja tal-Malti.
Sammut ippubblika diversi xogħlijiet, fosthom l-aktar mibjugħa "Il-Gaġġa" (1971), "Samuraj" (1974) u "Il-Ħolma Maltija" (1995). Dwar din ta' l-aħħar, il-kritiku letterarju Norbert Ellul-Vincenti kien qal li fil-letteratura Maltija m'hemm xejn ta' dan il-livell. Huwa ppubblika xogħlijiet oħrajn bħal "Paceville", li permezz tiegħu rebaħ il-Medalja Litterarja tal-Gvern, u sensiela ta' stejjer qosra bħal "Labirint" (1967) u "Newbiet" (1998).
Apparti x-xogħlijiet fittizji, Sammut kiteb ukoll kitbiet storiċi bħal "Ir-Rivoluzzjoni Franciza: il-Ġrajja u t-Tifsira" (1989), "Bonaparti f'Malta" (1997) u "On the Da Vinci Code" ["Dwar il-Kodiċi ta' Da Vinċi"] (2006). Huwa mmodifika ukoll il-"Lexicon" (2002) ta' Mikiel Anton Vassalli, li huwa meqjus bħala missier il-lingwa Maltija.
Il-kotba ta' Frans Sammut jintużaw kontinwament fil-kurrikuli ta' l-iskejjel.
Sammut kiteb ukoll il-librett ta' diversi suċċessi mużikali, iżda sfortunatament, ħafna minn dawn ma ġewx ippubblikati.
Il-professjoni attwali tas-Sur Frans Sammut hi dik ta' kap ta' skola (headmaster). Biss, mill-1996 sa l-1998 hu kien il-konsulent tal-Prim Ministru (dak iż-żmien, Dr. Alfred Sant) dwar il-kultura.
Sammut huwa miżżewweġ lil Catherine Sammut u għandu żewġt itfal, Mark u Jean-Pierre Sammut.