Mikiel Anton Vassalli
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
- Il-parti l-kbira ta' din l-informazzjoni għal dan l-artiklu ġiet meħuda mis-sit ta' Ħaż-Żebbuġ
Mikiel Anton Vassalli twieled Ħaż-Żebbuġ fil-ħamsa ta' Marzu 1764. Ingħata l-isem ta' Mikiel għal missier missieru u Anton għal missier ommu. Vassalli huwa l-aktar magħruf bħala Missier l-ilsien Malti minħabba l-kontribuzzjoni kbira għall-promozzjoni tal-lingwa nazzjonali ta' Malta. Fuq tfulitu nafu li meta kien għad kellu sentejn, missieru miet fl-għomor ta' 32 sena, u li erba' snin wara, ommu reġgħat iżżewġet lil Gejtan Mifsud, bin Ġużeppi, gabilott min Ħaż-Żebbuġ ukoll. Fit-tmienja ta' Mejju 1774 Mikiel Anton għamel il-Griżma tal-Isqof waqt żjara pastorali ta' l-Isqof Pellerano. Parrinuh kien il-Markiż Mikiel Apap.
Vassalli kien mgħallem f'diversi lingwi fosthom it-Taljan, il-Grieg, il-Latin u l-Għarbi. Nafu wkoll li kien professur ta' din l-aħħar lingwa, u fl-1785 ġie mogħti premju mill-iskola ta’ l-Għarbi. Huwa studja ukoll Ruma, fl-Universita' ta' La Sapienza, dan għaliex barra milli jitgħallem huwa ried ukoll jgħallem l-ilsien Siro-Kaldajk sabiex ikun jista' jlaħħaq man-nefqiet li kellu. Kemm dam Ruma kien jgħix fil-kuleġġ tan-Neofiti qrib San Pantaleo Mantes. Fl-1790 Vassalli, issa magħruf bħala għalliem tas-Sirjakk, joħroġ l- Alfabet Malti Mfysser byl Malti u bit-Taljan, Alfabeto Maltese spiegato in lingua maltese e italiana, fuq ktejjeb ta' 24 faċċata li kien mitbugħ fl-istamperija ta' Antonio Fulgoni.
Vassalli kiteb ukoll l-ewwel dizzjunarju Malti, dan kien magħruf bħala "Lexicon", kien ippublikat fl-1796. Dan id-dizzjunarju kien fih madwar 18,000 kelma; kull kelma kienet spjegata bil-Latin imbagħad bit-Taljan. Dan l-aħħar il-Lexicon reġa ġie ippublikat minn Frans Sammut u mitbugħ fil-Marsa Press. Fl-1994 ħareġ ir-rumanz Il-Ħolma Maltija, dwar il-ħajja ta' Vassalli, rumanz li t-Times of Malta qalet li m'hawnx kitba oħra tal-livell tiegħu bil-Malti.
Vassalli ssuġġerixxa lill-Ordni ta' San Ġwann, li biex Malta jkollha livell ta' ħajja għoli, l-ordni kellu jistma' lill-Maltin u lill-viżitaturi ta' dawn il-gżejjer b'mod ugwali. Dan is-suġġeriment kellu risposta kiefra ħafna, u l-Ordni beda jara lil Vassalli bħala rivoluzzjonarju u persuna li kienet ta' periklu għall-istabiltà tal-pajjiż. Għalhekk, Vassalli ġie ċċensurat mill-Ordni.
Minħabba f'hekk, Vassalli ssieħeb mal-grupp li kien favur il-wasla tal-Franċiżi, u ħa sehem fir-rivoluzzjoni kontra l-Ordni ta' San Ġwann li saret fil-11 ta' Mejju, 1797. Dan il-pjan falla u għalhekk kellu jidher quddiem it-tribunal għal għemilu. Fit-12 ta' Ġunju kull min ħa sehem fir-rivoluzjoni kien misjub ħati, f'dan l-episodju Vassalli weħel il-ħabs. Min hemm, huwa ħarab fl-1798, fejn hu maħsub li mar Salerno u mbagħad għex għal xi żmien fi Franza.
Il-Franċiżi waslu Malta fit-12 ta' Gunju, 1798, u għalhekk Vassalli rritorna Malta. Ġie mlaħħaq uffiċjal tal-Gwardja Nazzjonali, pożizzjoni li żamm sal-wasla ta' l-Ingliżi. Fit-28 ta' Settembru, 1799 kellu joħroġ mill-Belt Valletta imblokkata għax kien marid, ġie arrestat u b'amar ta' Alexander Ball, kmandant tal-qawwiet Brittaniċi f'Malta intbagħat il-ħabs fl-Imdina flimkien ma' mitejn suldat Malti ieħor.
Fis-16 ta' Settembru ġie mogħti l-eżilju. Erba' xhur wara, huwa ttieħed Tuneż u mbagħad baqa' sejjer Franza fejn qatta' l-kumplament ta’ l-eżilju. Hawn Napuljun Bonaparti laħħqu l-fundatur tal-qoton fi Franza u fi Franza stess kellu tlett itfal subien mingħand Katerina Formosa de Fremaux. Din ta' l-aħħar kienet fost dawk il-Maltin li tkeċċew mal-waqgħa tal-Franċiżi u marru Marsilja.

Vassalli ġie lura Malta fid-19 ta' Ġunju, 1820 u ħames snin wara ġie appuntat professur tal-Malti bl-għajnuna ta' John Hookman, li wkoll għenu sabiex jippublikka xi xogħlijiet minn tiegħu u jaqleb l-Erba' evanġelji għall-Malti. Fl-1827, ippublika t-tieni edizzjoni ta' Il-Grammatika Maltija, u ktieb fuq l-idjomi Maltin b'iktar minn 863 entrata.
Fl-1828 Vassalli marad serjament u miet fl-għodwa tat-12 ta' Jannar, 1829
Illum il-ġurnata, Mikiel Anton Vassalli jitqies bħala ħassieb u riformatur, kif ukoll bħala ribell u studjuż li lemaħ fil-bogħod u sa minn kmieni l-qawmien għaqli tan-nazzjonalita’ Maltija.
Il-figura ta' Vassalli saret l-oġġett ta’ attenzjoni mhux biss akkademika iżda wkoll letterarja u politika. Numru ta’ storiċi fittxew t-tagħrif dwaru bħala bniedem, oħrajn l-aspetti ta' ħidmitu fil-politika u l-kultura u oħrajn xeħtu dawl fuq il-qofol ta’ ħsiebu fejn tixref il-viżjoni ta’ nazzjon modern u ħieles.
[editja] Headline text
[editja] Links relatati
http://www.haz-zebbug.com/mikielantonvassalli.htm