Imperu Ottoman
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
L-Imperu Ottoman kien poter li kien jeżerċita saħħtu max-xtut tal-Baħar Mediterran li beda jeżisti fl-1281 (jew 1299) sal-1923. kien wieħed mill-ikbar Imperi li qatt dehru fuq wiċċ id-dinja, u, meta kien b'saħħtu, kien jinkludi t-Turkija, il-Lvant Nofsani, l-Afrika ta' Fuq u l-Balkani. Ġie fondat minn tribu ta' Torok Oghuz fil-Punent tat-Turkija, u kien immexxi mill-Osmanlı dinastija, dixxendenti minn dawn it-Torok.
F'ċirkli diplomatiċi, l-Imperu kien jissejjaħ la Sublime Porte jew sempliċement Porte, dderivat mit-translazzjoni franċiża tat-terminu Bâb-i-âlî, li tfisser "ix-xatba l-għolja", minħabba ċ-ċerimonji ta' merħba lill-ambaxxaturi barranin mix-xatba tal-Palazz Imperjali Topkapi. Ġieli jiġi interpretat bħala riferenza għal qagħda tan-nazzjon u speċjalment tal-kapitali Istanbul; filfatt l-Imperu kien jidher bħala x-xatba bejn l-Ewropa u l-Asja. Fi żmienu, l-Imperu Ottoman kien jissejjaħ ukoll l-Imperu Tork jew it-Turkija minn barranin Ewropej, però l-isem tal-pajjiż ta' llum m'ghandux jitħawwad ma' ta' l-Imperu Ottoman.
L-Imperu twaqqaf minn Osman I, bl-Għarbi ʿUthmān b'hekk l-isem tal-Imperu. Fis-Seklu XVI u s-Seklu XVII, l-Ottomani kellhom wieħed mill-iktar imperi kbar u b'saħħitom fid-dinja, u xi pajjiżi Ewropej bdew iħossuhom skomdi ħabba l-avvanzi tagħhom fil-Balkani. Però l-Ottomani twaqqfu fl-Assedju ta' Malta, fil-Battalja ta' Lepanto u f'dik ta' Vjenna.
Fl-1453, l-aħħar fdal tal-Imperu Biżantin sfaxxa meta Kostantinopli saret il-kapitali Ottomana bl-isem ta' Istanbul. Mill-1517 'il quddiem, is-Sultan Ottoman kien ukoll Kaliff tal-Islam, u l-Imperu Ottoman mill-1517 sa l-1922 (jew 1924) kien sinonimu mal-Kaliffat, l-Istat Islamiku.
Wara l-Ewwel gwerra dinjija, fl-istess gwerra li parti kbira tal-Imperu waqa' f'idejn l-Alleati, filwaqt li l-istat Ottoman kien f'taħwid kbir, xi nazzjonalisti Torok, ħafna kienu uffiċjali għolja fil-militar, waqqfu l-istat Tork permezz tal-gwerra tal-Indipendenza Torka, kontinwazzjoni tal-gwerra bejn il-Griegi u t-Torok, il-maġġoranza fuq art li saret Torka fit-Trattat ta' Lawżanna.