Baħar Mediterran
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Il-Baħar Mediterran huwa baħar li jifred l-Ewropa mill-Afrika ta' Fuq, bl-Asja fil-Lvant; it-tul tiegħu hu ta' madwar 3.800 km (2.400 mil), filwaqt li għandu area ta' 2.5 miljun km² (965.000 mi²). Dan il-baħar hu magħqud mal-Oċean Atlantiku (permezz tal-Istretti ta' Ġibiltà), mal-Baħar l-Aħmar (permezz tal-Kanal ta' Swejż) u mal-Baħar l-Iswed (permezz tad-Dardanelli). Il-Mediterran ġeneralment jinqasam f'diversi ibħra li huma l-Baħar Adrijatiku, l-Baħar Eġew, l-Baħar Jonju, u l-Baħar Tirren. Għandu xatt ta' madwar 46.000 km/28,580 mi, li jagħddi minn 22 nazzjon.
Werrej |
[editja] Kontribut Storiku
Magħruf bħala l-benniena taċ-ċiviltà, il-Mediterran "infetaħ" għal kummerċ mill-ewwel merkanti u baħħara,il-Feniċi. Matul l-era klassika, Kartaġni, il-Greċja, l-Etruski, u Ruma lkoll pruvaw jieħdu l-kontroll ta' dan il-baħar sakemm r-Rumani rnexxielhom ibiddluh fil-Mare Nostrum. Iktar tard kien iddominat mil-Biżantini u mill-Għarab, u matul is-sekli tal-Medjuevu, hafna bliet-repubbliki u kummerċjanti Taljani minn bliet bħal Venezja u Ġenova, kellhom il-kontroll tal-passaġġi kummerċjali tal-Mediterran.
Wara l-Medjuevu il-Mediterran donnu raqad, peress li l-baħħara kellhom ħarsthom lejn l-ibħra u l-oċeani l-ġodda; din ir-raqda damet sal-Gwerer Rivoluzzjonarji u Gwerer Napoleoniċi, meta l-Ingilterra ntebħet li l-Mediterran kien importanti ħafna għar-rotta lejn l-Indja. Il-Mediterran kompla żviluppa iktar mal-ftuħ tal-Kanal ta' Swejż fl-1869, meta ħafna mil-kummerċ mondjali lejn is-swieq Ewropej, kif ukoll il-qmuħ mir-Russja, kienu jagħddu minn ġo fih.
Kontroll tal-gżejjer, xtut, u rotot kummerċjali kien vitali matul il-Gwerer Dinjija, u għalhekk kienu ħafna l-ideat u pjanijiet ta' attakk u difiża f'dawn l-inħawi, forsi l-iktar prominenti fosthom huma il-Gwerra tal-Krimea, l-attakk fuq id-Dardanelli, it-tieni assedju ta' Malta u l-Battalji ta' l-Afrika ta' Fuq.
[editja] Gżejjer prinċipali
Il-gżejjer prinċipali huma:
- Ċipru, Kreta, u Rodi fil-Lvant
- Sardenja, Sqallija, Korsika, u Malta fil-parti ċentrali
- Majorka u Minorka fil-Punent
[editja] Pajjiżi li jiffurmaw ix-xatt tal-Mediterran
Il-pajjiżi huma:
- Spanja, Franza, l-Italja, is-Slovenja, il-Kroazja, il-Bosnia-Ħerzegovina, Serbja-Montenegro, l-Albanija, il-Greċja u t-Turkija fuq il-kosta ta' fuq
- Il-Libanu, is-Sirja u Iżrael fil-Lvant
- L-Eġittu, il-Libja, it-Tuneżija, l-Alġerija u l-Marokk fuq in-naħa t'isfel
[editja] Ibħra interni
Il-Baħar Mediterran huwa magħmul minn dawn l-ibħra interni:
- il-Baħar Adrijatiku
- il-Baħar Jonju
- il-Baħar Ligure
- il-Baħar Tirren
- il-Baħar Eġew
- il-Baħar l-Iswed
- il-Baħar t'Azov
- il-Golf ta' Sirte
- il-Baħar ta' Marmara