Dom Mintoff
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
![]() |
|
Perjodu fil-Kariga: | 1955 - 1958 – 1971 - 1984 |
PM Predeċessur: | Gorġ Borg Olivier |
PM Suċċessur: | Karmenu Mifsud Bonnici |
Data tat-Twelid: | 6 t'Awissu 1916 |
Post tat-Twelid: | Bormla, Malta |
Partit Politiku: | Malta Labour Party |
Il-Perit Duminku Mintoff, magħruf aħjar bħala Dom Mintoff, twieled fis-6 t'Awissu, 1916 f'Bormla, iben Lawrence u Concetta née Farrugia. Studja fi skola tal-gvern, fis-Seminarju u ggradwa mill-Università ta' Malta. Fl-1937 iggradwa u ġab il-B.Sc. u sentejn wara, fl-1939 iggradwa bħala Perit (B.E. & A. & C.E.). F'dik is-sena, ingħata wkoll borża ta' studju mill-Fondazzjoni Sir Cecil Rhodes u pproċeda f'Hartford College, fl-Università ta' Oxford. Fl-1941 ġab l-M.A. fix-xjenzi u inġenjerija.
Fl-Ingliterra, Mintoff iltaqa' ma' Moira de Vere Bentinck u żżewwġu; minn daż-żwieġ kellhom żewġt ibniet, Anne u Joan. Huwa pprattika il-professjoni tiegħu l-Ingilterra sa l-1943, u f'dik is-sena rritorna lura lejn Malta.
Mintoff serva ta' Prim Ministru ta' Malta għal erba' leġislaturi, fi żmien il-ħakma kolonjalista Ingliża bejn l-1955 u l-1958, u wara l-Indipendenza ta’ Malta bejn l-1971 u l-1984. Bejn l-1949 u l-1984 serva wkoll ta' mexxej tal-Malta Labour Party. Huwa serva ta' Deputat fil-Kamra tar-Rappreżentanti sa l-1998 meta ma kkontestax l-elezzjonijiet ġenerali li saru f'dik is-sena.
Werrej |
[editja] Karriera Politika
Mintoff daħal fix-xena politika fl-1935 bħala assistent segretarju tal-Każin tal-Partit Laburista ta' Bormla. Nħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista fl-1935, iżda fl-1937 kellu jirreżenja biex ikun jista' jkompli l-istudji tiegħu barra minn Malta.
Ta' 23 sena, Mintoff kien diġà jikteb fl-istampa lokali dwar ideat ġodda għall-politika Maltija. F'artiklu li kien deher fil-ġurnal Daily Malta Chronicle Mintoff kiteb:
"Malta needs new members with fresh ideas which could unite all the progressive elements and transform the medieval social system into a system which would be envied by the rest of the world".
(tr. Malti: Malta għandha bżonn ta' membri ġodda b'ideat friski li jkunu jistgħu jgħaqqdu l-elementi progressivi kollha u tbiddel is-sistema soċjali medjevali f'sistema li tkun l-għira tal-bqija tad-dinja)
[editja] 1940-1950
Mar-ritorn tiegħu mill-Ingilterra fl-1944, Mintoff reġa' nħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, iżda rriżenja minn din il-kariga wara li ġie elett bħala Deputat Mexxej tal-Partit.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-politika f'Malta ħadet pawża u kull entużjażmu li seta' kien hemm għosfor. Possibbilment, l-iktar avveniment politiku importanti fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija kien it-twaqqif tal-General Workers Union (GWU) minn Reggie Miller fl-1943. L-għanjiet ta' din l-unjoni kienu kważi identiċi għal dawk ta' l-MLP. Fil-fatt, iktar il-quddiem fl-istorja, il-GWU kellha rwol importanti fil-politika ta' Malta fejn flimkien ma' l-MLP iffurmat alleanza magħrufha bħala l-Malta Labour Movement, b'żewġ fergħat: dik politika u dik industrijali (1984).
Matul il-gwerra, il-Partit Laburista kien jifforma parti mill-Kunsill tal-Gvern. Fit-22 ta' Frar 1945 ir-rappreżentant laburista, Pawlu Boffa, irriżenja mill-kunsill wara li ġie kkritikat talli ppropona l-introduzzjoni ta' taxxi biex jiġu mibdija s-servizzji soċjali f'Malta.
Għall-kuraġġ u l-perseveranza tal-Maltin matul il-gwerra, il-Gvern Ingliż wiegħed Kostituzzjoni Awtonoma lill-poplu Malti hekk kif tintemm il-gwerra. Mat-tmiem tat-taqbid kontra l-għadu, il-Maltin ma damux wisq qabel reġgħu bdew bit-taqbid politiku. Ġiet iffurmata l-Assemblea Nazzjonali taħt it-tmexxija taċ-chairman Contino L. Preziosi, li l-għan tagħha kien il-formazzjoni ta' kostituzzjoni ġdida. Il-membri, li kienu jirrappreżentaw il-korpi kostitwiti kollha, kienu jiltaqgħu fil-Palazz tal-Gvernatur.
Fl-elezzjoni ta' Novembru 1945, li għaliha vvutaw bejn wieħed u ieħor 31% biss tal-votanti eliġibbli, il-Partit Laburista ġab il-maġġoranza ta' siġġijiet, b'kollox 9 minn 10. Mintoff ikkontesta b'suċċess din l-elezzjoni u ġie elett flimkien ma' Pawlu Boffa (il-Kap tal-Partit Laburista li ġie wkoll maħtur Kap tal-Kunsill), Robert Bencini, Ġużè Cassar, Turu Colombo, Godwin Ganado, Anthony Schembri Adami, John Raimondo u Karmenu Vassallo għall-Partit Laburista. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Partit Laburista, fil-programm elettorali ma kien hemm l'ebda referenza għar-reliġjon.
Mintoff ingħata permess biex jifforma parti mill-Kunsill Eżekuttiv fl-1 ta' Awwissu, 1946 wara pressjoni qawwija mit-tabib Pawlu Boffa fuq il-gvernatur ta' dak iż-żmien.
Fit-12 ta' Settembru, 1946 id-disa' membri tal-Partit Laburista irriżenjaw bħala sinjal ta' protesta kontra is-sensji li ngħataw lill-ħaddiema tat-tarzna, kif ukoll kontra l-fatt li membri eletti Maltin fil-Kunsill tal-Gvern ftit kellhom poter. Dan kien iseħħ skond il-Kostituzzjoni Macdonal li kienet tipprovdi tmien membri uffiċjali, tnejn nominati mill-Gvernatur u għaxra oħra eletti mill-poplu. Din il-kostituzzjoni kienet tpoġġi r-rappreżentanti tal-poplu f'minoranza peress li l-Gvernatur Ingliż (jew ir-rappreżentant tiegħu) kellu wkoll id-dritt għall-vot.
Sadanittant, ġiet fis-seħħ il-Kostituzzjoni MacMichael li kienet tippermetti self-government lill-Maltin.
Fl-10 ta' Settembru, 1947, C.R.F. Douglas, il-Gvernatur u l-Kap-Kmandant (Commander-in-Chief) ta' Malta, iddikjara pubblikament li l-kostituzzjoni kienet ser tidħol fis-seħħ fit-22 ta' Settembru, 1947. F'din il-kostituzzjoni, is-Senat ġie abolit u minnflok, nħoloq korp leġislattiv ta' 40 membru elett mill-poplu. Permezz ta' din il-kostituzzjoni, Malta kien ser ikollha organu wieħed ta' leġislazzjoni, l-Assemblea Leġislattiva. Din il-kostituzzjoni l-ġdida kienet pass importanti ukoll mill-lat ta' ugwaljanza bejn is-sessi għaliex issa, in-nisa ngħataw il-vot u fl-Elezzjoni Ġenerali li seħħet f'Ottubru, 1947, setgħu anki joħorġu bħala kandidati għall-Assemblea Leġislattiva bħalma għamlet Agatha Barbara fl-1947.
F'Ottubru 1947, il-partit laburista rebaħ l-elezzjonijiet b'maġġoranza assoluta ta' 24 siġġu. Il-Partit Laburista mmexxi minn Pawlu Boffa kiseb rebħa kbira elettorali meta ġab 63,145 vot u tella' 24 Deputat fl-Assemblea Leġislattiva. Il-Partit Nazzjonalista ġab 19,401 vot u tella' 7 deputati. Id-Democratic Action Party kiseb 14,010 vot u tella' 4 deputati, il-Partit t'Għawdex ġab 5,491 vot u tella' tliet Deputati, filwaqt li l-Partit ta' Jones ġab 3664 vot u tella' żewġ Deputati. 143 vot marru għall-kandidati Indipendenti li ħadd minnhom ma ġie elett. Is-sinjorina Agatha Barbara, f'isem il-Partit Laburista saret l-ewwel mara eletta fl-Assemblea Leġislattiva. It-tabib Paul Boffa ġie dikjarat Prim Ministru ta' Malta, u Mintoff nħatar Deputat Prim Ministru u Ministru tax-Xogħlijiet u r-Rikostruzzjoni u baqa' jżomm din il-kariga sa Settembru 1949. Dan il-Gvern Laburista kien il-gvern li ntroduċa t-Taxxa fuq id-Dħul (Income Tax) u l-Pensjoni tax-Xjuħ f'Malta.
Peress li Mintoff kien ukoll id-Deputat Mexxej ta' l-MLP mmexxi minn Boffa, huwa kien jifforma parti minn kull delegazzjoni li kienet titla' l-Ingilterra biex tipprova takkwista sussidji, għajnuna finanzjarja u garanziji għall-futur ta' Malta. Il-Gvern Britanniku iżda kien idu tqila u ma kienx lest li jgħin lil Malta. Il-Gvern Malti ħass li għas-sehem kruċjali tal-gżejjer fit-Tieni Gwerra Dinjija, Malta kellha tingħata sehem mill-assistenza li l-Istati Uniti kienet qed tagħti lill-Ewropa f'dak iż-żmien. L-għan ta' din l-assistenza, magħrufa aħjar il-Pjan Marshall (Marshall Plan; Marshall Aid), kien ir-rikostruzzjoni ta' l-Ewropa u ta' l-ekonomija Ewropea. Għas-sehem kruċjali tagħha fit-Tieni Gwerra Dinjija, Malta ma ngħatat l-ebda għajnuna finanzjarja.
Dan kollu wassal biex fl-1949, Boffa kellu jippreżenta memorandum miktub minn Mintoff lill-Gvern Ingliż, liema memorandum kien approvat unanimament mill-kabinett. F'dan il-memorandum, Malta heddet li jekk sat-22 t' Awwissu ta' l-istess sena, l-Ingilterra ma tkunx talbet għall-Marshall Aid f'isem Malta, il-Gvern Malti kien ser jistaqsi lill-Istati Uniti stess biex tipprovdi għajnuna lill-pajjiż u bi tpattija l-Istati Uniti kienu ser jitħallew jużaw tal-gżejjer bħala bażi. Id-delegazzjoni li sejħet dan l-ultimatum, kienet immexxija minn Mintoff flimkien mas-Sur Edward Ellul u il-Prim Ministru Boffa. Il-Gvern Ingliż irrifjuta li jiltaqa' mad-delegazzjoni Maltija jekk dawn ma jirtirawx il-memorandum, u għal din ir-raġuni, Boffa ddeċieda li ma jippreżentax il-memorandum. Minn naħa tiegħu, Mintoff ma aċċettax li jirtira l-ultimatum u dan wassal għall-problemi interni kbar fi ħdan il-Partit Laburista, li eventwalment kienu l-kawża ta' qasma fil-partit; Mintoff iddeċieda li jirtira u rriżenja mill-kabinett.
Dom Mintoff, li kellu s-sostenn ta' numru kbir ta' laburisti iżda mhux tal-kabinett, beda jorganizza għad ta' mass meetings u pubblikament ikkritika lil Boffa u l-kabinett tiegħu.
Fil-25 ta' Settembru 1949, ltaqgħet il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista u beda jidher biċ-ċar li l-politika ta' Boffa bdiet tidher inutili f'għajnejn ħafna laburisti. Fid-9 t'Ottubru ġie deċiż li Boffa kellu jirreżenza kemm minn Mexxej tal-Partit Laburista kif ukoll minn Prim Ministru ta' Malta. 244 ta' dawk preżenti vvutaw favur din id-deċiżjoni filwaqt li 141 ivvutaw kontra. Dom Mintoff ġie maħtur Mexxej tal-Partit Laburista fis-16 t'Ottubru 1949. Mintoff kellu jibqa' jżomm din il-kariga għal 35 sena sħaħ, sakemm irriżenja fit-22 ta' Diċembru, 1984.
Boffa, li kien ilu jmexxi l-Partit Laburista sa mill-1921, iddeċieda li joħloq partit ieħor, il-Malta Workers' Party, flimkien mas-sostenituri tiegħu. Dan il-partit irnexxielu jibqa' fil-gvern sas-sajf ta' l-1950 grazzi għas-sostenn ta' ħafna partiti żgħar.
Kien propju f'dan iż-żmien li Mintoff beda juża slogans politiċi ta' ċertu qawwa fid-diskorsi tiegħu, fosthom il-famuża "Malta l-ewwel u qabel kollox", għajta li kellha tintuża ħafna fis-snin li segwew. Mintoff kien jemfasizza ħafna fuq il-ġlieda għall-libertà nazzjonali ta' Malta, bi frażijiet bħal "jew bħall-Ingliżi jew mhux ma' l-Ingliżi" u "aħna m'aħna ser inkunu qatt skjavi u servi f'pajjiżna stess".
[editja] 1950-1960
Fis-6 ta' Ġunju, 1950, il-Gvern ta' Boffa tilef il-Vot tal-Finanzjarja għas-sena 1950-51 u Sir Gerald H. Creasy, Gvernatur u Kap-Kmandant ta' Malta xolja l-Parlament fit-23 ta' Ġunju, 1950.
Kmieni f'Settembru 1950, issejħet elezzjoni ġenerali li fiha Mintoff reġa’ ġie elett. L-MLP ibbaża l-kampanja elettorali tiegħu fuq ir-relazzjoni ekonomika u kostituzzjonali mal-Gran Britannja. F'din l-elezzjoni, l-ebda partit li kkontesta ma rnexxielu jikseb il-maġġoranza. Dan wassal biex il-Partit Nazzjonalista, li kellu vantaġġ numeriku, wara konsultazzjoni mal-partiti l-oħrajn biex jipprova jifforma Gvern Nazzjonali, spiċċa biex minnflok ifforma Gvern ta' Minoranza f'Diċembru, 1950. Dan il-gvern kien magħmul biss minn deputati Nazzjonalisti taħt it-tmexxija ta' l-avukat Dott. Enrico Mizzi. Dott. Mizzi miet f'Diċembru 1950 u ġie suċċedut mill-avukat Dott. Ġorġ Borg Olivier. Dott. Mizzi ġie akkordat Funeral Statali li kien segwit minn bosta li xtaqu jagħtu omaġġ lill-ewwel Prim Ministru Malti li miet in ufficio.
Fl-1951 il-Partit Labruista ingħaqad mas-Socialist International, organizzazjoni Soċjal-Demokratika u storikament anti-Kommunista. L-MLP kien deċiż li jiżviluppa l-ekonomija ta' Malta fl-inqas żmien possibbli, u joħloq Welfare State sabiex il-livell t'għixien tal-poplu ikun jista' jiżdied.
F'Jannar u Frar 1951, Dott. Borg Olivier tilef No Confidence Motion u kellha ssir Elezzjoni Ġenerali oħra f'Mejju 1951. F'din l-elezzjoni ġara li, bħal l-elezzjoni preċedenti, l-ebda partit ma rnexxielu jikseb il-maġġoranza, u fit-30 ta' Ġunju, 1951, ġie ffurmat Gvern ta' Koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Malta Workers' Party, taħt it-tmexxija ta' Dott. Borg Olivier; Mintoff ġie maħtur Kap ta' l-Oppożizzjoni. Sadanittant, Mintoff bir-riedni tal-Partit Laburista f'idejh, beda ħidma intensiva biex jorganizza l-partit.
Il-Gvern ta' Koalizzjoni tilef Budget Motion f'Ottubru 1953 u kellhom isiru elezzjonijiet ġodda f'nofs Diċembru 1953, liema elezzjonijiet reġgħu intrebħu mill-gvern ta' koalizzjoni mmexxi minn Dott. Borg Olivier.
Wara qasma fil-Malta Workers' Party f'Novembru 1954, il-gvern ta' Koalizzjoni ġie xolt fuq Adjournment Motion (eventwalment, sa nofs il-ħamsinijiet, il-Workers' Party ta' Boffa kien spiċċa mix-xena politika Maltija. Minn 24,616 vot u 11-il siġġu fil-Parlament fl-1950, l-appoġġ għal dan il-partit naqas għal 14,000 vot u 3 siġġijiet fl-1953).
Dan wassal biex fl-elezzjonijiet li segwew fi Frar 1955, il-Malta Labour Party taħt it-tmexxija ta' Mintoff irnexxielu jegħleb il-koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista ta' Borg Olivier u l-Malta Workers' Party ta' Boffa. Il-Partit Laburista kiseb 68,474 vot (57%) u akkwista 23 mill-40 siġġu fl-Assemblea Leġislattiva filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 48,514-il vot u 17-il siġġu fl-Assemblea. Il-ħidma ta' Mintoff fi ħdan il-Partit Laburista bdiet tagħti l-ewwel frott tagħha. B'hekk Mintoff ġie maħtur Prim Ministru ta' Malta għall-ewwel darba.
Il-kwistjoni tal-assistenza Britannika biex tiġi mmodernizzata Malta u r-relazzjoni mal-kolonjalisti Ingliżi, kienu il-prijoritajiet ewlenin fl-aġenda politika ta' l-MLP. Il-Partit Laburista, flimkien mal-General Workers Union ried li jinqata’ l-kolonjaliżmu f'Malta akkost ta' kollox u ppropona bis-sħiħ l-integrazzjoni. Mintoff kien jemmen li l-uniku mod kif il-kundizzjoni soċjo-ekonomika f'Malta setgħet titjieb, kien b'assistenza finanzjarja qawwija mill-Ingilterra. Il-Partit ukoll saħaq dwar l-għan tiegħu li joħloq u jipprovdi xogħol għal kulħadd. Matul il-kampanja elettorali, Mintoff kien spjega dan il-pjan ta' integrazzjoni. Dan kien ifisser li Malta kienet tista' tiġi ikkunsidrata bħala parti mir-Renju Unit, u għal daqstant kienet tibbenefika minn assistenza finanzjarja konsiderevoli. Iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kienu jibdew jitqiesu ċittadini Ingliżi u b'hekk igawdu bl-istess livell t'għajxien u l-istess benefiċċji soċjali bħaċ-ċittadini Ingliżi. Malta iżda kienet ser tibqa' tgawdi minn awtonomija fil-materji interni tagħha. Dan il-pjan kien jinkludi dawn il-kundizzjonijiet fost oħrajn:
- Il-Maltin kellhom jibbenefikaw mill-istess servizzi soċjali bħall-Ingliżi
- Il-Maltin kellhom jibbenefikaw mill-istess opportunitajiet ta' xogħol u kundizzjonjiet ta' l-Ingliżi.
- Kellu jitfassal pjan ekonomiku madwar il-kunċett ta' xogħol għal kulħadd
- Il-Parlament Ingliż kellu jkollu rappreżentanza Maltija
- Id-Difiża u Foreign Policy kellhom ikunu f'idejn il-Gvern Ingliż
- Kwistjonijiet lokali bħall-edukazzjoni u reliġjon kellhom ikunu f'idejn il-Gvern Malti
F'dik l-istess sena, Mintoff stess mexxa delegazzjoni lejn Londra biex f'konferenza tiġi diskussa l-integrazzjoni ta' Malta ma' l-Ingilterra.
F'Lulju 1955, il-Prim Ministru Ingliż Sir Anthony Eden, waqqaf Round Table Conference, komposta mit-tliet partiti prinċipali tar-Renju Unit, biex jiġu kkunsidrati mistoqsijiet kostituzzjonali mqajjma mill-proposti ta' Malta għall-assoċjazzjoni u rabta akbar bejn iż-żewġ pajjiżi, partikolarment il-proposta li Malta kellha tiġi rappreżentata fil-Parlament ta' Westminster. Sir Anthony ppropona li l-konferenza kellha tibda f'nofs Settembru ta' l-istess sena. Wara konsultazzjonijiet f'Londa u f'Malta, f'Diċembru 1955 ġie ppubblikat ir-rapport tal-konferenza fejn dan kien jgħid li l-poplu Malti kien intitolat għall-ugwaljanza politika u rappreżentanza f'Westminster.
B'hekk, f'Malta ġie msejjaħ referendum fi Frar 1956. Sadanittant, f'Ittra Pastorali konġunta mill-Arċisqof ta' Malta u l-Isqof t'Għawdex, dawn esprimew li kwalunkwe kambjament fil-kostituzzjoni, kellu jiggarantixxi bil-miktub l-istaus quo tal-knisja f'Malta. Huma stqarru li ma setgħu qatt jaqblu ma' proposta li kienet ser tipperikola ir-reliġjon Kattolika. Indirettament din il-proposta kienet qed tirreferi għall-proposta ta' integrazzjoni ma' l-Ingilterra. Għall-ħabta tar-referendum, kien hemm ukolll ħafna organizzazzjonijiet reliġjużi li kienu qed jopponu l-integrazzjoni. Fuq programm radjofoniku l-Arċisqof Mikiel Gonzi għamilha ċara li l-integrazzjoni kienet ser tkun ta' dannu r-reliġjon kattolika u l-morali tagħha u għalhekk kien id-dmir tiegħu li jopponiha.
Il-Partit Nazzjonalista iddeċieda li jibbojkottja r-referendum fuq l-argument li l-integrazzjoni kienet ser tirriżulta f'dominanza tal-Protestantiżmu fuq il-Kattoliċiżmu, fid-dħul taż-żwieġ ċivili, divorzju u mezzi ta' kontroll tad-twelid (kontraċettivi, eċċ). Il-partit immexxi minn Mabel Strickland (bint Lord Gerald Strickland), il-Progressive Constitutionalists, appellat lill-Maltin biex jivvutaw 'Le'. L-alternattiva tal-labour għall-integrazzjoni kien self-determination, li ma kienx ikkunsidrat bħala pass ekonomikament vijabbli.
Dawk kollha li kienu jappoġġjaw lill-Gvern Ingliż jew jirrifjutaw l-integrazzjoni, malli rrealizzaw li l-pjan ta' Mintoff kien qiegħed jikseb l-appoġġ tan-nies, ħadmu iktar biex jippruvaw iwasslu l-messaġġ tagħhom u jfixklu il-pjanijiet tal-mexxej laburista. Fost ħafna raġunijiet li taw, kien hemm li r-reliġjon Kattolika ma kienitx ser tibqa' r-reliġjon dominanti f'Malta, li l-logħob tan-nar kien ser jinqata', li s-suldati Maltin kellhom immorru jiġġieldu fi gwerer barranin u jmutu barra minn xtuthom, li l-kultura Maltija ser tintilef, li ħaddiema Ingliżi kienu ser jieħdu post il-ħaddiema Maltin fit-Tarzna.
Minn naħa l-oħra il-Partit Laburista appella lill-votanti biex jivvutaw 'Iva' fir-referendum. Peress li l-appoġġ ta' l-MLP kien ġej mill-parti l-kbira mill-klassi tal-ħaddiema li ħafna minnhom kienu jiddependu mill-Ingliżi għax-xogħol, proposti li kienu jiggarantixxu xogħol u livelli t'għixien bħal dawk ta' l-Ingliżi setgħu jsibu ħafna appoġġ.
Fit-13 ta' Frar 1956 intemm ir-referendum dwar l-Integrazzjoni li fih 45.2% ta' l-elettorat ħareġ jivvota. Il-figuri uffiċjali juru li 67,607 (56%) ivvutaw favur l-Integrazzjoni filwaqt li 20,177 ivvutaw kontra. Kien hemm 2,559 vot invalidu u 62,480 votant li ma ħarġux jivvutaw. Numru kbir ta' dawk li astjenew kienu għamlu dan biex jobdu d-direttivi tal-Partit Nazzjonalista li kien qed jagħmel bojkott kontra l-Pjan ta' Integrazzjoni.
Dan ir-riżultat qajjem ħafna kontroversji, u l-Prim Ministru Ingliż Sir Anthony Eden stqarr fil-House of Commons li Malta kellha tiġi rappreżentata fil-House of Commons wara li l-Maltin juru x-xewqa tagħhom f'Elezzjoni Ġenerali. Jista' jkun li l-Gvern Ingliż ma aċċettax dan ir-riżultat għax l-integrazzjoni ma baqgħetx attraenti għall-Ingilterra, minħabba l-fjaski tal-Kanal ta' Swejż li qatel darba għal dejjem il-pretensjonijiet Ingliżi ta' status bħala potenza dinjija, li wkoll ġabet magħha konsegwenzi ekonomiċi diżastrużi. Il-Gvern Ingliż ukolll irrealizza li dak li Mintoff ma kienx irnexxielu jakkwista mill-Marshall Plan għad-danni, kien qed jipprova jakkwistah b'dan il-pjan ta' integrazzjoni mar-Renju Unit.
Sadanittant, qam xi tilwim bejn il-Gvern Malti u dak Ingliż rigward il-futur tat-tarzna u l-assistenza finanzjarja Ingliża. Fit-30 ta' Diċembru 1957, il-Parlament Malti gie msejjah b'urġenza biex jikkunsidra mozzjoni tal-Prim Ministru Mintoff:
"Darba li l-Gvern Ingliż ma jridx jonora l-obbligu li daħal għalih fid-Dikjarazzjoni ta' Lulju 1955, li jevita l-qagħad, ir-Rappreżentanti tal-Poplu Malti fil-Parlament miġbura jiddikjaraw li jinħallu mill-pattijiet u obbligi li għandhom lejn il-Gvern Ingliż u minn dawk sal-lum assunti lejn l-alleati tiegħu - u dan sakemm il-Gvern Ingliż ma jagħtix garanzija li l-għadd ta' nies miegħu impjegati f'Malta ma jonqosx qabel ma jkun hemm "alternative employment' għan-nies li jingħataw is-sensja"
Il-Parlament Malti għadda b'vot unanimu, din ir-riżoluzzjoni li kienet thedded ir-relazzjonijiet ma' l-Ingilterra b'vot unanimu.
Biex tiġi evitata din, saru xi diskussjonijiet kemm f'Malta kif ukolll fl-Ingilterra iżda dawn ma ħallewx il-frott mixtieq għax fost il-ħafna proposti li ġew diskussi ma ntlaħaq l-ebda ftehim rigward l-iktar tnejn li possibbli kienu jaħarqu: l-integrazzjoni u t-tarzna. Issa beda jsir iktar evidenti li kambjamenti fil-policies tad-difiża Ingliżi kienu ser jirriżultaw f'rundowns massivi tal-preżenza Britannika f'Malta. Kien hemm bżonn li jiġi mplementat pjan ta' żvilupp ko-ordinat biex tiġi diversifikata l-ekonomija ta' Malta.
Fl-24 ta' Marzu, il-Gvern Laburista immexxi minn Mintoff rriżenja mill-kariga b'sinjal ta' protesta u ddikjaraw lilhom infushom favur Malta newtrali u politikament indipendenti. F'mass meeting fil-Furjana, fis-6 t'April, Mintoff stqarr li l-Ingliżi ma kienx jimpurtahom mill-Maltin u t-tbatijiet tagħhom. Għalhekk, la bil-kelma t-tajba u negozjati ċivili ma kienu ser jaslu mkien, huwa ħeġġeġ lill-Maltin biex jinżlu fit-toroq u jsemmgħu leħinhom mit-toroq u l-pjazez.
Eventwalment sar strajk ġenerali storiku fit-28 t'April, fost irvellijiet u vjolenza, u ntimidazzjoni mill-pulizija u l-forzi militari. Ma tħallewx isiru meetings pubbliċi u dimostrazzjonijiet u l-Partit Laburista adotta reżistenza passiva.
Sussegewnatamnt l-oppożizzjoni Nazzjonalista rrifjutat li tifforma gvern ta' minoranza, u irriaffermaw il-policy tagħhom favur Dominion Status fi ħdan il-Commonwealth. Ftit jiem wara l-Ingliżi rrevokaw il-kostituzzjoni u b'hekk it-tmexxija ta' Malta waqgħet f'idejn gvernatur Ingliż, Sir Robert Laycock. Dawn l-avvenimenti ġabu magħhom żmien ta' tensjoni kbira fil-pajjiż. B'konsegwenza, il-gvernatur iddikjara stat ta' emerġenza.
Fid-19 ta' Novembru, 1958, Mintoff mexxa delegazzjoni ta' l-MLP lejn Londra biex tiġi diskussa l-introduzzjoni tas-self-government u b'hekk din kienet l-ewwel rikjesta uffiċjali għall-Indipendenza ta' Malta; din iżda ma ħalliet l-ebda frott.
Fl-ewwel mass meeting Laburista fl-1959, Mintoff stqarr li l-partit tiegħu kien ser ibiddel l-ekonomija ta' Malta minn waħda distruttiva għal waħda bbażata fuq ħbiberija u paċi.
F'artiklu bl-isem New Plan for Malta li deher fir-rivista New Statesman, Mintoff elabora fuq il-viżjoni tiegħu ta' Malta. Huwa qal li Malta għandha ssir port newtrali fejn il-libertà tagħha kellha tkun garantita mill-Kunsill tal-Ġnus Magħquda . Fi kliemu:
"As a nuclear-free zone with a free and stable society, we would quickly develop into a Switzerland in the heart of the Mediterranean."
(tr. Malti: Bħala żona mhux nukleari b' soċjetà ħielsa u stabbli, aħna mal-ewwel niżviluppaw fi Svizzera fil-qalba tal-Mediterran.)
Din l-analoġija ta' Svizzera fil-Mediterran kellha terġa’ tagħmel ritorn kważi 40 sena wara meta l-Gvern Laburista mmexxi minn Dott. Alfred Sant uża din l-analoġija biex jispjega l-kunċett tiegħu ta' partnership ma' l-Unjoni Ewropea opposta għall-veduta Nazzjonalista ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea.
Mintoff ippropona li Malta kellha tkun parti mis-Suq Komuni Ewropew u li kellha wkoll tadotta rbit kummerċjali simili mal-pajjiżi Għarab ġirien ta' Malta.
"We possess the capability, the strength and the social capital to build a New Malta, the meeting point of unity and commerce between the European continent and the Arab nations."
(tr. Malti: Aħna nippossjedu l-kapaċità, is-saħħa u l-kapital soċjali biex nibnu Malta ġdida, il-punt fejn l-unità u l-kummerċ bejn il-konttinent Ewropew u n-nazzjonijiet Għarab jiltaqgħu.)
Is-slogan ta' Mintoff, "Malta l-ewwel u qabel kollox" beda jintuża f'mod frekwenti ħafna fil-kitbiet u d-diskorsi ta' Mintoff ta' dak iż-żmien. Ir-retorika ta' Mintoff kienet waħda simili ħafna għal bosta movimenti anti-kolonjali ta' dak iż-żmien, bħal Gamal Abdel Nasser ta' l-Eġittu, u Makarios III ta' Ċipru.
Fi Frar 1959, il-Kostituzzjoni ta' l-1947 ġiet irtirata u minflok, Kostituzzjoni temporanja ġiet fis-seħħ fil-15 t'April, 1959. Malta għal darb' oħra kienet mingħajr il-parlament tagħha u l-Gvern kien magħmul mill-Gvernatur assistit minn grupp ta' konsulenti. Dan ġie magħurf bħala Malta (Constitution) Order in Council, 1959.
Għalkemm il-ħajja tal-gvern laburista ta' l-1955-58 kienet pjuttost qasira, f'dan iż-żmien twettqu bosta riformi soċjali li kienu l-pedament li fuqu inbena l-Welfare State fis-snin sebgħin u tmenin. F'dan iż-żmien, il-Gvern ta' Mintoff bena 33 skola ġdida, bosta oqsma reżidenzjali u saħħansitra raħal ieħor ġdid, kif ukoll l-ewwel qasam industrijali f'Malta.
[editja] 1960-1970
Fis-snin sittin, il-Knisja Kattolika Maltija mmexxija mill-Arċisqof Mikiel Gonzi kompliet topponi lill-Malta Labour Party. Il-knisja kienet determinata li ma tħallix lill-Mintoff jakkwista l-poter partikolarment minħabba l-politika soċjalista li kien iħaddan u l-pjanijiet sekulari tiegħu. F’Ittra Pastorali maħruġa fl-1960, il-Knisja għamlitha ċara li ħadd ma jista' jkun soċjalist tajjeb u Kristjan sinċier fl-istess ħin. Minn naħa tiegħu, l-MLP kien jinsisti li mhux minnu li l-partit hu kontra l-knisja, u kien jisħaq li l-politika soċjalista kienet sinonima mat-twemmin Kristjan; iżda kien kollu għalxejn.
Lorry Sant, trade-unionist militanti, editur tal-gazzetta laburista The Struggle u iktar 'l quddiem, ministru Laburista, ġie mgħoti l-interdett mill-awtoritajiet tal-Knisja talli kkritika l-ittra pastorali ta' l-Arċisqof f'wieħed mill-artikli tiegħi.
F’mass meeting f’Ħaż Żabbar, bħala risposta għad-deċiżjoni tal-Knisja, Mintoff stqarr li:
"aħna ħdimna u għadna naħdmu fl-interess tal-ħaddiema, l-istess kif għallimna Sidna Ġesù Kristu. Aħna npoġġu dan it-tagħlim fil-prattika. Ġejna aakużati għax konna kuraġġużi biżżejjed li niddikjaraw li aħna kontra l-Ingliżi f’din il-ġlieda għall-Indipendenza. Aħna ħa nkompli niġġieldu għall-pajjiżna, imma ngħidulhom “tikkolaborawx mal-Gvern Ingliż”. Imbagħad inkunu nistgħu ningħaqdu bħall-aħwa, għax aħna xorta għadna aħwa. F’din it-taqbida mbierka u ġusta għal-libertà, Alla huwa magħna."
Eventwalment fl-1961, il-Knisja Kattolika Maltija ddikjarat sanzjonijiet reliġjużi kontra Mintoff u l-kollegi tiegħu ta’ l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-partit, kif ukoll kontra partitarji attivi tal-partit laburista. Daħal l-interdett u nies bi twemmin laburista ġew imċaħħda milli jattendu funzjonijiet reliġjużi. Kienu ħafna dawk li kellhom jiżżewwġu fis-sagristija minħabba dawn is-sanzjonijiet, mingħajr funzjoni propja, jew inkella ma ngħatawx assoluzzjoni mill-qrar. Il-knisja waslet ukoll sabiex iddikjarat li partitarji laburisti ma setgħux jiġu midfuna fil-parti kkonsagrata taċ-ċimiterju, iżda f'fossa waħda mhux ikkonsagrata magħrufa bħala miżbla. Bejn l-1961 u l-1963, mietu seba’ attivisti Laburisti, fosthom il-kittieb prolifiku u l-ex ministru Ġużè Ellul Mercer, li kollha ġew midfuna fil-miżbla.
Il-kulminazzjoni ta' dawn l-intrigi politiko-reliġjużi minn naħa tal-knisja waslu fl-elezzjonijiet ġenerali ta' l-1962, fejn il-knisja iddikjarat li kull appoġġ (bħal per eżempju l-attendenza fil-meetings u l-qari tal-gazzetti laburisti) u vot lejn l-MLP kien ser jiġi ikkunisdrat bħala dnub mejjet. Ħarġet tgħid ukoll lin-nisa miżżewġa li jekk jaħilfu lil żwieġhom li huma kienu vvutaw lill-Partit Laburista, anke jekk dan fil-verità ma jkunux għamluh, dan l-att ma kienx ser jiġi kkunsidrat bħala ġurament falz. Huwa magħruf ukoll li ħafna qassisin li ma kienux jaqblu ma' dawn il-miżuri ġew sfurzati biex iħallu l-pajjiż bl-iskuża li kienu ser jingħataw xogħol ta' missjunarji f'pajjiżi mbiegħda. Waqt attivitajiet tal-Partit Laburista, kienu jindaqqu l-qniepen tal-knejjes kif ukoll kien ikun hemm min idoqq is-sfafar biex itellfu d-diskors.
Apparti l-Partit Nazzjonalista, il-Christian Workers Party, in-Nationalist Democratic Party, il-Progressive Constitutional Party u l-Christian Democratic Party kienu kjarament kontra l-Partit Laburista.
Fl-elezzjonijiet ta’ l-1962, il-programm elettorali tal-Partit Laburista ippropona fost oħrajn, politika ta’ libertà tal-kuxjenza, drittijiet ugwali, u d-drittijiet sovrani tan-nazzjon jiffurmaw parti mill-ġurisdizzjoni Maltija, fl-istess linja maċ-Charter tal-Ġnus Magħquda. Il-partit saħaq kemm-il darba li ma kienx ser imur kontra l-prinċipji Kattoliċi, u li kien favur it-tneħħija ta' privileġġi li kienu qed iżommu lura il-progress soċjali u ekonomiku. Il-Partit Laburista ibbaża l-pretensjonijiet tiegħu dwar ir-relazzjoni bejn l-istat u l-knisja fuq sitt punti kruċjali. Dawn kienu:
- Dritt ta' kull ċittadin li jiżżewweġ biż-Żwieġ Ċivili
- Dritt ta' kull ċittadin li jekk irid, jeżenta lil uliedu mit-tagħlim reliġjuż fl-iskejjel
- Dritt ta' kull ċittadin li jindifen fiċ-ċimiterju
- Dritt tal-Pulizija li tidħol fil-knisja ħalli twaqqaf id-daqq tal-qniepen jew tfixkil ieħor waqt meetings pubbliċi
- Il-Moralità Pubblika f'Malta tkun interpretata skond il-prinċipji aċċettati fl-Ewropa tal-Punent
- Dritt għall-Elezzjonijiet Ħielsa mingħajr dnub mejjet. Kull ċittadin, inkluż il-kleru, ikun indaqs quddiem il-liġi
Fl-elezzjonijiet ta' Frar 1962, avolja kien hemm dawn is-sanzjonijiet ħorox, l-MLP xorta irnexxilu jakkwista l-akbar numru ta' voti indirizzati lejn partit (50,974), iżda dawn ma kienux biżżejjed biex jissuperaw il-voti li ġabet l-koalizzjoni tal-Partit Nazzjonalista ma' erba' partiti politiċi oħra. Il-Partit Laburista rnexxielu jirbaħ 16-il siġġu minn 50 u 33.8% tal-voti. In-nazzjonalisti rebħu 25 siġġu u Ġorġ Borg Olivier reġa ġie mlaħħaq Prim Ministru ta' Malta.
[editja] Il-mixja lejn l-Indipendenza
Nbdew dskussjonijiet formali ma' l-Ingilterra bl-iskop li tiġi ottenuta l-Indipendenza. Il-Malta Labour Party għamel bosta proposti u emendi għall-kostituzzjoni iżda ħafna minnhom ġew injorati. Ħafna minn dawn il-proposti kienu immirati biex iġibu rikonċiljazzjoni mal-Knisja kif ukoll riformi demokratiċi iktar moderni. Dawn kienu jinkludu fost oħrajn ir-rikonoxximent tal-Reliġjon Kattolika bħala r-Reliġjon Uffiċjali ta’ Malta, ugwaljanza bejn kull ċittadin quddiem il-liġi, libertà tal-kuxjenza, żwieg ċivili, edukazzjoni reliġjuża fl-iskejjel statali, drittijiet umani fundamentali, libertà ta’ l-espressjoni u t-tmiem tal-‘prattiki korrotti’ b’riferenza għall-libertà tal-persuna li tivvota kif jidrilha hi mingħajr interferenza minn reliġjon. L-Ingilterra ħadet din l-opportunità biex tinnegozja trattat li kien jiffavorixxi l-interessi tagħha f'kull aspett. Filwaqt li l-Gvern Malti deher li kien ser ikollu poter amministrattiv totali fuq il-gżira, s-setturi l-iktar importanti tal-pajjiż, inklużi id-difiża, il-Port il-Kbir, it-tarzna, il-kommunikazzjoni, l-ajruport, kif ukoll parti sewwa tat-territorju nazzjonali, xorta kienu ser ikunu kkontrollati mill-Ingliżi. Mintoff iġġieled kontra dawn it-trattati mingħajr suċċess, iżda wiegħed reviżjoni hekk kif il-Partit Laburista jitla' fil-poter.
Eventwalment, bejn it-2 u l-4 ta’ Mejju 1964, sar ir-referendum dwar l-Indipendenza fost ħafna kontroversja. F’dawk iċ-ċirkustanzi , partikolarment dawk li jittrattaw mal-kostituzzjoni, il-Partit Laburista iddikjara li r-referendum ma kienx wieħed ħieles u li Malta ma kienitx sejra takkwista Indipendenza ta’ veru. 56% tal-votanti (45% ta’ l-elettorat) ivvotaw favur l-Indipendenza, u b’hekk Malta ngħatat l-Indipendenza fil-21 ta' Settembru, 1964.
Fl-elezzjonijiet ġenerali ta' l-1966, il-knisja għal darb’ oħra lgħabet rwol importanti, peress li s-sanzjonijiet imposti fuq il-Partit Laburista u s-sostenituri tiegħu, kienu għadhom fis-seħħ. Iż-żminijiet kienu qed jinbidlu, u l-knisja kattolika indunat b'dan. Għalhekk din id-darba is-sanzjonijiet ma kienux proklamati b'mod ferventi pubblikament bħalma ġara fl-elezzjonijet ta' qabel. Iżda dan ma jfissirx li kienu inqas effettivi. Infatti kien għad hemm ħafna qassisin li waqt l-omeliji tagħhom minn fuq il-pulptu, kienu jgħaddu kummenti kontra l-Partit Laburista. Kif kien mistenni, l-elezzjonijiet intrebħu mill-Partit Nazzjonalista, iżda l-Partit Laburista mar aħjar mill-elezzjonijjiet preċedenti ta' l-1962 u żied konsiderevolment l-ammont ta' voti. Il-Partit Laburista, rebaħ 22 siġġu minn 50 u 43.1% tal-voti. It-28 siġġu l-ieħor intrebħu kollha mill-Partit Nazzjonalista, bil-partiti ż-żgħar ma jirnexxielhom itellgħu kandidat. Ġorġ Borg Olivier b’hekk baqa’ Prim Ministru.
Sar ċaqliq fir-relazzjonijiet bejn il-knisja u l-Partit Laburista meta ntbagħat f'Malta, l-isqof Mons. Emanuel Gerada li kien jifforma parti mill-korp diplomatiku tal-Vatikan. Infatti f'April 1969, wara ħafna diskussjonijiet, iż-żewġ naħat laħqu ftehim u Mons. Gerada iffirma trattat mal-Partit Laburista li kien jgħid li l-Knisja ma kellix tindaħal iktar fi kwistjonijiet politiċi u li kellhom jiġu wkoll irtirati s-sanzjonijiet kollha kontra l-Partit Laburista. B'hekk il-Partit Laburista seta' fl-aħħar jikkonċentra biss fuq kwistjonijiet politiċi minflok jinħela fi ġlied żejjed kontra l-knisja.
Iktar 'l quddiem, l-Isqof Għawdxi Ġużeppi Mercieca kellu jibdel lil Arċisqof Gonzi,bħala kap tal-Knisja Kattolika Maltija. Intant, is-sitt punti msemmija mill-Partit Laburista rigward ir-relazzjoni bejn l-istat u l-knisja, kienu iktar il-quddiem, inklużi fil-Kostituzzjoni Repubblikana ta' l-1974.
Lejn l-aħħar tas-snin sittin, ftit qabel l-elezzjonijiet ta' l-1971, l-oppożizzjoni Laburista immexxija minn Mintoff, flimkien mall-General Workers Union, bdew ipoġġu pressjoni fuq il-Gvern Nazzjonalista biex jinsisti għall-trattament aħjar mill-Ingliżi, u bdew jorganizzaw ħafna azzjonijiet industrijali, li kien jinkludi ukoll kwistjoni dwar it-tarzna li damet seba' xhur.
[editja] 1970-1980
Fl-elezzjonijiet ġenerali ta' l-1971 l-MLP u l-GWU ippreżentaw programm konġunt imsemmi 'Malta Maltija fil-Paċi u l-Progress'. Il-programm kien definit bhala wieħed soċjal-demokratiku, u il-wegħdiet prinċipali kienu jinkludu it-twaqqif ta' ftehim dwar forzi militari barranin f'Malta, l-introduzzjoni ta' leġislazzjoni soċjali bħal ġimgha ta' 40 siegħa, il-paga minima, riforma fuq it-taxxa tad-dħul u pjan ekonomiku li kien jemfasizza fuq l-edukazzjoni, l-industrija, agrikoltura u sajd, turiżmu, housing, children's allowance u forom oħrajn ta' welfare.
Il-programm emfasizza ukoll fuq id-drittijiet ugwali mingħajr distinzjoni ta' razza, kulur jew twemmin, kif ukoll id-dover li jwaqqaf it-tbatija u s-sofferenza li tirriżulta minn nuqqas ta' ugwaljanza bejn is-sinjur u l-fqir. Il-Partit Laburista wiegħed ukoll 50% parteċipazzjoni ta' l-Union fit-tmexxija tat-tarzna sabiex tkun tista' tiġi rranġata is-sitwazzjni ekonomika. Ghall-elezzjonijiet ġenerali ta' l-1971, il-Partit Laburista iddeċieda li jiġġieled l-elezzjoni ġenerali fuq il-kwistjonijiet li kienu qed jifnu l-pajjiż f'dak iz-zmien: il-korruzzjoni, il-qagħad u l-emigrazzjoni (ta' min isemmi li ftit xhur qabel, eluf ta' Maltin kienu emigraw lejn il-Kanada u l-Awstralja biex ifittxu ħajja u futur aħjar).
Il-kampanja elettorali kienet pjuttost kwieta. L-MLP rebaħ l-elezzjonijiet bi 28 siġġu minn 55 fil-Parlament, u 50.8% tal-voti, kontra it-48.1% tal-voti mirbuħa minn Nazzjonalisti u l-1% tal-Progressive Constitutionalists. Il-Partit Laburista rnexxielu jirbaħ l-elezzjonijiet għalkemm għamel dan b'maġġoranza minima ta' siġġu wieħed biss fil-Parlament. Din il-maġġoranza ta' siġġu wieħed kienet perikoluza għall-Partit Laburista. L-oppożizzjoni Nazzjonalista minn naħa tagħha ippruvat tikkorompi MP Laburista biex jaqsam il-kamra. Il-ħatja eventwalment ġew arrestati u mhux talli l-pjan fallielhom, talli kien MP nazzjonalist li qasam il-kamra, b'hekk il-Partit Laburista issa kellu maggoranza ta' tlett siggijiet. Iktar 'l quddiem, d-deputat Laburista Paul Carachi talab lill-Ispeaker tal-Kamra għal siġġu fin-nofs sabiex ikun jista' jkollu status indipendenti.
Issa li kien fil-poter, il-Gvern Laburista seta' jimbarka fuq il-proġett ta’ industrijalizzazzjoni tal-pajjiż.
L-ewwel ħaġa li għamel Mintoff mal-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru, kienet li neħħa lil Sir Maurice Dorman minn Gvernatur ta' Malta, u minn floku laħħaq Malti, Sir Anthony Mamo; fl-1974 Sir Anthony Mamo ġie maħtur bhala l-ewwel President tar-Repubblika ta' Malta.
Vapuri tal-Gwerra Amerikani ma tħallewx jużaw il-portijiet Maltin, u l-Kmandant tan-N.A.T.O. ġie ddikjarat persona non grata u għalhekk kellu jitlaq minn Malta, bil-kwartieri tan-N.A.T.O. jiġu magħluqa.
Sadanittant, Mintoff laħaq bosta ftehim ma' pajjiżi barranin, bl-intensjoni li jattira investiment lejn Malta u jingħata għajnuna finanzjarja; l-iktar għajnuna konkreta waslet mill-Libja u l-pajjiżi kommunisti, bħall-Unjoni Sovjetika u ċ-Ċina. Fil-31 ta' Jannar, 1972 il-Gvern Laburista mmexxi minn Mintoff stabbilixxa relazzjonijiet diplomatiċi mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dan wassal ghall-kummerċ bejn iz-żewġ pajjiżi u bl-għoti ta' għajnuna finanzjarja mingħajr interessi miċ-Ċina, seta' jinbena baċir kbir ta' 300,000 tunnellata fit-tarzna ta' Malta, kif ukoll il-bini ta' breakwater fil-port ta' Marsaxlokk. Bdew isiru ukoll xi skambji fuq livelli edukattivi u kulturali bejn studenti Ċiniżi u studenti Maltin, kif kukoll skambji ghal skopijiet militari bejn il-forzi armati taz-żewġ pajjiżi. Dawn saru apgparti bosta ftehim iehor f'oqsma diversi bhas-saħħha, mediċina, turiżmu, trasport, xjenza u teknoloġija. Mintoff kien ukoll wieħed mill-ewwel mexxejja ta' pajjiżi tal-punent li żar iċ-Ċina ta' Mao, mossa li kienet pjuttost kontroversjali dak iż-żmien.
Fis-27 ta' Marzu, 1972, il-Ftehim ta' Difiża għal 7 snin ġie iffirmat bejn il-Gvern Laburista rappreżentat minn Dom Mintoff u l-Gvern Ingliż (Lord Carrington). Permezz tiegħu Malta kienet ser tirċievi 14-il miljun lira fis-sena mill pajjiżi tan-N.A.T.O. biex l-Ingilterra tkun tista' iżżomm il-bażi militari tagħha f'Malta. Dan il-ftehim kellu jintemm f'Marzu 1979, meta Malta kellha tkun ħielsa mill-forzi militari Ingliżi. Barra minn dan, Malta kienet ser tirċievi miljun lira fis-sena f'għajnuna ekonomika u żewġ miljuni u nofs oħra f'għajnuna mingħand l-Italja.
Dwar it-tarzna, fejn il-Partit Laburista wiegħed li jintroduċi 50% parteċipazzjoni ta' l-Union fit-tmexxija, Mintoff iddeċieda li jattwa miżuri ta' razzjonalizzazzjoni qabel dik il-proposta tiġi fis-seħħ. F'meeting li għamel għall-ħaddiema tat-tarza fil-15 ta' Marzu, 1973, fi Pjazza Gavino Gulia f'Bormla, Mintoff wera d-diżapprovazzjoni tiegħu għan-nuqqas ta' ħeġġa tal-ħaddiema u tahom tliet għażliet: ir-riżenja tiegħu, il-falliment tat-Tarza jew inkella li Mintoff jieħu r-riedni f'idejh għall-sitt xhur. Il-ħaddiema ivvutaw għat-tielet proposta b'turija ta' idejn. Mintoff imbagħad beda jispjega bosta proposti li kellu għat-tarzna, fosthom t-tneħħija tas-sistema tax-shifts; din wasslet biex għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, it-tarzna tagħmel qliegħ, liema żmien dam sejjer għal seba' snin.
Meta l-prezz internazzjonali taż-żejt għola fil-kriżi ta' l-1973, Mintoff laħaq ftehim mal-Libja, li kellha tagħti lil Malta ż-żejt kollu li kellha bżonn għall-ekonomija tagħha.
Mintoff minn dejjem saħaq fuq il-ħtieġa ta' paċi fil-Mediterran fil-Konferenza ta' Helsinki ta' l-1975. Eventwalment, Malta ssieħbet man-Non Alligned Movement, li kien jinkludi bosta pajjiżi tat-tielet dinja bħall-Indja, Kuba u l-Alġerija; Malta saret ukoll membru tal-Grupp tas-77.
Fil-21 ta' Marzu, 1973 il-parlament Malti approva mozzjoni tal-Prim Ministru Laburista, Dom Mintoff, biex titwaqqaf kumpanija nazzjonali ta' l-ajru - l-Air Malta. L-Air Malta ġiet imwaqqfa bl-assistenza tal-Gvern tal-Pakistan. Il-kumpanija nazzjonali irċiviet ħafna kritika mill-oppożizzjoni Nazzjonalista, li ppreferew jagħmlu użu minn kumpaniji ta' l-ajru barranin milli dik lokali.
Fit-23 ta' Marzu, 1974 gie mhabbar il-ftuh tal-Bank of Valletta, l-ewwel bank kollu kemm hu Malti. 60% fta' l-ishma fil-bank kienu ser ikunu f'isem il-Gvern Malti filwaqt li l-40% l-ohra kienu ser jinbiegħu lil pubbliku Malti.
Il-Gvern ta' Mintoff waqqaf bosta miżuri fosthom:
- In-nazzjonalizzazzjoni kif ukoll il-bidu ta' bosta kumpaniji propjetà ta' l-istat, fosthom l-Air Malta, is-Sea Malta, il-Bank of Valletta, il-Mid-Med Bank, it-Telemalta u x-Xandir Malta;
- Tnaqqis fid-differenza fis-salarji bejn l-ogħla u l-iktar grad baxx fis-servizzi ċivili;
- L-għoti ta' żieda għall-għoli tal-ħajja u bonuses bi flat rate minflok b'perċentwali;
- L-introduzzjoni tas-sistema PAYE (Pay-As-You-Earn) u higher ceiling fejn tidħol it-taxxa tad-Dħul;
- Il-bidu ta' skema nazzjonali tas-saħħa;
- Id-demolizzjoni ta' slums u l-bini ta' bosta units residenzjali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom;
- Xiri bulk-buying ta' prodotti mportati bħall-ħalib, zokkor u butir bi prezzijiet orħos;
- Bosta riformi fil-leġiżlatura industrijali bħal per eżempju, it-tnaqqis tal-working week għal 40 siegħa u liġi favur paga ndaqs għal ħaddiema nisa;
- Iż-żieda fin-nefqa għas-servizzi soċjali kif ukoll l-introduzzjoni ta' servizzi bħaċ-Children's Allowance;
- It-tneħħija ta' streaming u eżamijiet fi skejjel statali;
- Bosta proġetti turistiċi;
- Inbnew oqsma industrijali ġodda u dawk eżistenti ġew imkabbra;
- Ġiet mibnija pista ta' l-ajru ġdida li kienet takkomoda vetturi ta' l-arju kbar;
- L-introduzzjoni ta' korpi tax-xogħol bħall-Korpi tal-Pijunieri, li kienu jagħmlu bosta xogħol ta' kostruzzjoni. Membri ta' dawn il-korpi kienu miċħuda mid-dritt li jissieħbu trade unions.
Il-Gvern Laburista kien jemmen fl-intervent ta' l-istat fl-ekonomija tal-pajjiż, speċjalment fejn is-settur privat kien jonqos milli jieħu l-inizzjattiva.
[editja] Malta Repubblika
Fit-13 ta' Diċembru 1974, Malta saret uffiċjalment Repubblika, u għalhekk ġiet introdotta kostituzzjoni ġdida. Din il-kostituzzjoni li bħal dik Taljana, kienet tiddikjara li Malta kienet repubblika bbażata fuq ix-xogħol, introduċiet bosta artikli, bħal dak li kien jippermetti d-dritt għall-vot lil persuni ta' il-fuq minn 18-il sena fl-elezzjonijiet ġenerali.
49 membru tal-Parlament ivvutaw favur din il-kostituzzjoni filwaqt li 6 membri Nazzjonalisti astjenew. Ta' min jgħid li dawn kienu Ġorġ Borg Olivier u dawk l-aktar qribu. Dan l-avveniment immarka wkoll it-tmiem tal-karriera politika ta' Dott. Borg Olivier, għaliex ftit wara l-elezzjonijiet ta' l-1976 laħaq floku Dott. Eddie Fenech Adami. Fl-elezzjonijiet ta' l-1976 il-Partit Laburista gab l-ikbar maggoranza ta' voti qatt registrati fl-istorja politika ta' Malta.
Il-gvern immexxi minn Dom Mintoff kompla bil-ħidma tiegħu u bena' għadd kbir ta' oqsma residenzjali, kif ukoll ħadem biex itejjeb l-infrastruttura. Inbena sptar ġdid ħdejn l-isptar eżistensti (L-Isptar San Luqa).
Fl-1976, saru l-ewwel elezzjonijiet ġenerali taħt il-kostituzzjoni tar-Repubblika ta' Malta. Il-programm elettorali tal-Partit Laburista intitolat "Lejn Malta Soċjalista 'l Quddiem fis-Sliem" poġġa emfasi fuq il-kredenzjali tal-Gvern Laburista, li kien jemmen fis-soċjaliżmu demokratiku. Ġie dikjarat ukoll li Malta setgħet tevolvi f'familja kbira soċjalista, kif ukoll li x-xogħol kien il-mezz kif il-bniedem seta' jikseb l-emanċipazzjoni. Fost ħafna proposti, kien hemm ukoll:
• Il-possibiltà ta' full-employment;
• Attivitajiet kummerċjali kellhom fejn jistgħu, jiġu mħollija f'idejn il-Maltin;
• Il-kontinwazzjoni tal-politika tan-non-alignment
Il-Partit Labruista reġa' rebaħ l-elezzjonijiet b'51.5% tal-voti u 34 siġġu fil-Parlament, filwaqt li n-Nazzjonalisti kisbu 48.5% u 31 siġġu. Din it-telfa kienet l-aħħar waħda għal Dott. Borg Olivier, li ġie rimpjazzat minn Dott. Eddie Fenech Adami fl-1977.
Il-Gvern ta' Mintoff kompla bit-twettiq tal-politika soċjalista tiegħu, iżda ta' min jinnota li f'din il-leġislatura kien hemm żieda kbira fid-diżgwid industrijali u vjolenza politika. F'dan iż-żmien Mintoff beda juża frażi oħra popolari "Min mhux magħna kontra taghna".
Fl-1977, meta l-Uffiċju tal-Prim Ministru ħareġ ċirkolari li stqarr li avolja l-Gvern kien jirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiema għall-istrajk, id-dritt għall-azzjonijiet industrijali parzjali ma kienux ser jibqgħu rikonoxxuti. F'dan iċ-ċirkolari kien hemm imniżżel ukoll illi dawk kollha li kienu jirrifjutaw li jaħdmu s-sahra, ma kienx ser ikollhom iktar sahra sa l-aħħar tas-sena. Ovvjament, dan iċ-ċirkolari ġab miegħu diversi azzjonijiet industrijali u protesti. B'risposta għal dawn, il-Gvern issospenda u ttrasferixxa xi ħaddiema tal-Gvern. Il-Gvern ta' Mintoff ukoll hedded lill-impjegati tal-banek li jekk ma jaċċettawx id-direttivi tal-management, kienu ser jiġu likwidati iż-żewġ banek kummerċjali ta' Malta u posthom jieħdu bank wieħed. Din l-azzjoni kienet tfisser telf kbir ta' impjiegi. L-azzjonijiet industrijali li segwew ġabu magħhom is-sospensjoni ta' numru ta' ħaddiema. Każ simili seħħ ukoll fit-TeleMalta (illum Maltacom), fejn numru ta' ħaddiema ġew sospiżi għal numru ta' xhur. F'dan il-każ, il-Gvern għamel użu mill-korpi tax-xogħol, li kienu suġġetti għal dixxiplina militari, bħala strike-breakers.
Possibbilment, l-ikbar diżgwid magħruf huwa dak tat-tobba. Dan seħħ minħabba żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel waħda kienet illi l-Gvern obbliga lill-istudenti li jiggradwaw bħala tobba kellhom jagħmlu perjodu ta' reġistrazzjoni ta' sentejn fl-isptar. It-tieni kienet id-deċiżjoni tal-Gvern li jbiddel l-istatus u l-poter tal-Kunsill Mediku. Bosta tobba rrikorrew għall-azzjonijiet industrijali, u bosta minnhom ġew imkeċċija mill-isptarijiet tal-Gvern immedjatament. Dan wassal biex ħafna tobba jiġu mkeċċija minn fuq il-post tax-xogħol u kellhom eventwalment iħallu l-pajjiż. Biex itaffi għan-nuqqas ta' tobba Maltin fl-isptarijiet, il-Gvern malajr impjega tobba barranin biex jirrimpjazawhom. Dan l-aġi wassal għal ħafna kritika minn bosta assoċjazzjonijiet mediċi bħal Assoċjazzjoni Medika Dinjija. Kien f'dan iż-żmien, propjament f'Diċembru ta' l-1977, li kienet intbgħatet ittra bomba lil futur Ministru Laburista, Dott. Edwin Grech, li kien rrifjuta li jieħu sehem fl-azzjonijiet industrijali u minflok aċċetta li jaħdem l-isptar. Din l-ittra infetħet minn Karen, bint it-tabib, li mietet ma' l-isplużjoni.
Fil-qasam tas-saħħa, Mintoff ġiegħel lill-isptarijiet privati biex jagħlqu u minflok introduċa servizzi mediċi b'xejn fl-1979. Barra minn hekk, bosta polikliniċi infetħu fl-1981.
Il-Gvern Laburista ta' Mintoff ukol implimenta diversi tibdil fis-sistema edukattiva ta' Malta. Fl-1977, ġew riintrodotti l-eżamijiet għal dawk it-tfal minn seba' snin 'il fuq. Fl-1981 daħlet fis-seħħ sistema edukattiva li biha kuntrarju għal dak li seħħ fl-1972, l-istreaming ġie intensifikat. Dan ġara partikolarment minħabba l-fatt li twaqqfu il-Junior Lyceums li kien ser jibda jkollhom attendenza ta' studenti 'l fuq minn 11-il sena li kienu għaddew minn eżami ta' ammissjoni.
Fejn tidħol l-Università, il-Gvern daħħal sistema ta' student-ħaddiem fejn l-istudenti kienu obbligati li apparti li jkollhom il-kwalifiċi neċessarji, kellhom ukoll jalternaw bejn perjodi ta' studju u oħrajn ta' xogħol. Id-dħul fl-Universita beda jiei determinat mhux biss fuq il-bażi tal-kwalifiċi ta' l-istudenti, iżda wkoll fuq in-neċessità ta' l-impjegaturi. Ġie imwaqqaf bord li kien jiddeċiedi liema studenti-ħaddiema kellhom jiġu magħżula. Barra minn hekk, bosta korsijiet ġew imwaqqfa u l-fakultà ta' l-Arti u x-Xjenza ngħalqu. Konsegwentement, bosta għalliema u studenti ħallew l-Università. Bosta akkademiċi u studenti urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għal dawn ir-rigormi, u s-soċjoloġista Ralf Dahrendor, li ġie mqabbad mill-Gvern bħala konsulent, stqarr illi dawn ir-riformi ma kienux ser jgħinu l-edukazzjoni għaliex kienu qed jipproduċu ħaddiema imdejjqa jew studenti mhux kwalifikati biżżejjed.
Fit-8 ta' Novembru, 1977, fil-ġurnata tal-gradwazzjoni, l-istudent universitarju Michael Frendo indirizza lil dawk preżenti u emfasizza fuq il-bżonn li l-iggradwati jiddistingwu bejn il-verità u l-propaganda, is-sinċerità u l-ipokrezija, l-intergrità u l-opportuniżmu, il-libertà u l-iskjavitù. Dan id-diskors qajjem bosta konfronti. Il-President tar-Repubblika u l-Ministru ta' l-Edukazzjoni ħarġu 'l barra miċ-ċerimonja u bosta sostenituri laburisti daħlu fuq il-kampus u fis-sala u bdew jintimidaw lil dawk preżenti. Fost dawn il-partitarji kien hemm Dennis Sammut, is-Segretarju Amministrattiv tal-Malta Labour Party u Joe Debono Grech, MP Laburista.
Xi partitarji daħlu bil-forza f'Dar l-Istudent, iżda mijiet ta' studenti opponewhom. F'dawn il-konfronti, ħadd ma ġie arresta iżda Frendo ġie mgħoti libell għal difamazzjoni minn żewġ uffiċjali għolja; eventwalment ġie dikjarat mhux ħati.
Sena wara, fil-5 ta' Ottubru, pulizija u partitarji Laburisti sawwtu grupp ta' studenti li kienu qed jirritornaw lejn l-Università wara li attendew rally biex jikkomemmoraw il-Ġurnata ta' l-Istudenti.
Fil-21 ta' Marzu, 1978, iż-żewġ komponentu tal-Malta Labour Movement, jiġifieri il-Malta Labour Party u l-General Workers Union ġew statutory partners. B'hekk l-alleanza tagħhom irċiviet status formali. Il-ftehim li ntlaħaq kien jixbah il-ftehim ad hoc li ntlaħaq bejn l-Union u l-Partit fil-leġislatura ta' l-1971-1976.
Mintoff kien ukoll jistieden bosta trade unions oħra biex jingħaqdu mal-Partit Laburista. Per eżempju, f'meeting fil-Blata l-Bajda fit-28 t' April, 1979, Mintoff stieden lill-dawk li kienu jiffurmat parti mill-Konferderazzjoni tat-Trade Unions ta' Malta; ta' min jinnota imma li ħadd ma aċċetta din l-istedina.
[editja] Malta tinħeles mill-ħakma tal-forzi militari Ingliżi
Fl-1979 Malta kisbet il-ħelsien mill-forzi militari Ingliżi. Il-ġurnata tal-31 ta' Marzu, 1979 ġiet proklamata bħala Jum il-Ħelsien u l-Gvern ta' Mintoff kien jagħtiha importanza ferm iktar mill-Indipendenza miksuba fi żmien il-Partit Nazzjonlista mmexxi minn Dott. Borg Olivier.
Infatti biex tfakkar l-okkazjoni, ġiet mibnija għolja artifiċjali b'monument fuqha. Din l-għolja, magħrufa aħjar bħala l-Għolja tal-Ħelsien inbniet ix-xatt tal-Birgu, ftit metri l-bogħod minn fejn l-aħħar truppi Ingliżi kienu ser jimbarkaw l-aħħar vapur Ingliż li kellu jħalli l-Malta, l-H.M.S. London.
Iċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali laħqu l-quċċata f'nofs-il lejl tal-31 ta' Marzu, 1979, fejn eluf ta' Maltin sfidaw il-kesħa u inġabru lejn il-Kottonera biex jassistu għaċ-ċerimonja li fiha Mintoff telgħa l-għolja tal-ħelsien u assista ghall-inżul tal-bandiera Ingliża minn baħri Ingliż, u t-tlugħ tal-bandiera Maltija minn ħaddiem Malti.
Imbagħad, Dom Mintoff flimkien mal-mexxej tal-General Workers Union, Ġorġ Agius, xegħlu t-torċa kommemorattiva mad-tokki tal-qniepen ta' nofs-il lejl.
Dak il-lejl, it-truppi Ingliżi baqgħu abbord l-H.M.S. London, li ħalliet Malta l-għada filgħodu, bil-President tar-Repubblika, Dott. Anton Buttigieg ixejjer lill-bastiment minn fuq is-swar tal-belt Valletta faċċata tal-Port il-Kbir.
It-tluq tal-Ingliżi minn Malta kien ukoll ifisser it-tmiem ta' l-assistenza finanzjarja mill-Ingilterra. Minn dakinhar, Malta kellha tiddependi biss minnha nnifisha ghall-ghixien. (Ara wkoll Jum il-Ħelsien)
F'dan iż-żmien Malta assistiet għal eskalazzjoni ta' vjolenza politika. Fil-15 t'Ottubru, 1979, ġurnata mlaqqma bħala Black Monday madwar 40 partitarju daħlu fir-residenza privata tal-mexxej Nazzjonalista Dott. Fenech Adami fejn aggredew lill-mara tiegħu u għamlu ħerba fid-dar tiegħu. F'dik il-ġurnata stess, l-istess partitarji Laburisti daħlu fil-bini tal-Progress Press u fl-uffiċini tal-gazzetta The Times u kissru l-makkinarju u għamlu ħafna danni fil-bini. Il-Parlament Ewropew kif ukoll bosta mexxejja Ewropej iddeploraw dawn l-inċidenti.
Tliet ijiem wara dawn l-avvenimenti, Mintoff kiteb lil Mabel Strickland, il-propjetarja tal-Progress Press, fejn esprima is-sogħba tiegħu għal dak li kien ġara. Mintoff ukoll kien ikkundana dawn l-atti vjolenti f'intervista mal-gazzetta Taljana 'Panorama' fil-11 ta' Novembru.
Avolja s-sitwazzjoni politika u industrijali fit-tieni nofs tas-sebgħinijiet ma kienitx mill-aħjar, sa l-1979 il-Gvern immexxi minn Mintoff irnexxilu jirdoppja il-Prodott Gross Domestiku ikkumparat ma' dak ta' l-1974. Kien hemm tnaqqis fir-rata tal-qagħad għal 2.7% u kien hemm żieda ta' impjiegi ġodda minħabba l-espansjoni fis-settur tal-manifattura u t-turiżmu.
Fil-leġislatura 1976-1981, il-politika barranija tal-Gvern Laburista kienet pjuttost xettika u tikkritika l-Gvernijiet tal-Pajjiżi tal-Punent u tas-Suq Komuni Ewropew, għalkemm xi mdaqqiet kienet turi l-oppost. Fl-1978 Mintoff kien għamel żewġ stqarrijiet interessanti fil-Parlament:
"Illum hemm żewġ Ewropi: L-Ewropa ta' Kain u l-Ewropa ta' Abel. L-Ewropa ta' Kain moħħha biex tikkonkwista u l-Ewropa ta' Abel hija progressiva. Huwa ma' din l-Ewropa li xi darba rridu nilħqu ftehim."
Mintoff ukoll uża din l-analoġija f'forum Ewropew fi Strasburgu. Iżda avolja kien xettiku mill-Ewropa, Mintoff qatt ma warrab il-possibiltà li eventwalment Malta tingħaqad u ssir parti mill-Komunità Ewropea. Fi kliemu:
"Today we are telling Europe to reach agreement with the Arabs just like we have done. Get powerful enough to get rid of the American and Soviet military bases. When this is achieved we will join you."
(t. Malti: "Illum qd ngħidu l-Ewropa biex nilħqu ftehim ma' l-Għarab kif għamilna aħna. Issaħħu biżżejjed biex teħilsu mill-bażijiet militari Amerikani u Sovjetiċi. Meta jirnexxielkhom tagħmlu dan, ningħaqdu magħkhom.")
F'intervisti oħrajn, Mintoff spjega li ma riedx li Malta tispiċċa ballun f'idejn iż-żewġ superpotenzi. Huwa ried ukoll jilħaq ftehim ma' l-Italja u Franza minn naħa, u l-Libja u l-Alġerija minn naħa l-oħra. Huwa stqarr ukoll illi filwaqt li l-Italja u Franza bi kliemhom urew l-interess li jgħinu, kienu il-Libja u l-Alġerija li offrew għajnuna konkreta. Sadanittant, il-Gvern kien ukoll laħaq ftehim importanti ta' newtralità u stabilixxa protokoll finanzjaru mal-Gvern Taljan fl-1980.
[editja] 1980-1990
Fit-3 ta' Jannar, 1981, il-Qrati tal-Ġustizzja ġew sospiżi mill-Gvern. Dawn ġew magħluqa għal aktar minn xahar u ġew rikostitwiti meta l-Gvern introduċa Parliamentary Bill li affettwat drastikament id-drittijiet ta' ċittadin biex ifittex il-Gvern għal danni, kif ukoll introduċiet Kummissjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja.
L-1981 kienet ukoll sena kontroversjali ħafna partikolarment minħabba l-elezzjonijiet ġenerali ta' dik is-sena. Il-Malta Labour Party u l-General Workers' Union ikkontestaw l-elezzjoni flimkien taħt l-isem ta' Malta Labour Movement kontra il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Dott. Eddie Fenech Adami. Il-programm elettorali konġunt tal-Partit Laburista u l-GWU kien intitolat 'Mit-Tajjeb Għall-Aħjar' u kien approvat mid-delegati taż-żewġ organizzazzjonijiet rispettivi fil-konferenzi ġenerali u nazzjonali. Il-Partit Laburista kien jappella għall-għaqal u l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, biex itejjbu s-sitwazzjoni tal-pajjiż. Il-proposti tal-programm elettorali kienu jinkludu:
• Tkomplija ta' xiri bulk-buying ta' materja prima u kumditajiet oħra biex jinżammu prezzjijiet baxxi • Iktar bini ta' oqsma residenzjali, distribuzzjoni ta' pjanti kif ukoll self issussidjat għal dawk li jixtiequ jibdnu d-djar tagħhom.
Rekord ta' 96.1% ta' l-elettorat ħareġ jivvota fl-elezzjonijiet u l-Partit Laburista, avolja ġab minoranza ta' voti (49.1%) irnexxilu jirbaħ iktar siġġijiet parlamentari min-Nazzjonalisti, li rnexxielhom jirbħu 50.9% tal-voti. B'hekk l-MLP rebaħ l-elezzjonijiet ġenerali għat-tielet darba konsekuttiva. Ir-riżultat ġie meqjus bħala wieħed pervers u filfatt, Mintoff ried li jsiru elezzjonijet ġodda dik is-sena stess biex isolvu din il-polemika. Iżda l-ministri tiegħu ma riedux u b'hekk din baqgħet ma saritx. Din l-anomalija fis-sistema elettorali kienet ikkawżata mill-Kostituzzjoni ta' l-Indipendenza ta' l-1964, u għalkemm kien hemm xi diskors biex fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika din tiġi emendata, dan baqa' ma seħħx.
Il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa billi ddikjara l-Gvern Laburista bħala wieħed ta' minoranza u akkuża l-Gvern b'jerrymandering. Dan wassal għal ħafna tensjoni fil-pajjiż fis-snin ta' wara. L-ebda MP Nazzjonalista ma attenda l-parlament għal tliet snin sħaħ, u dan apparti n-numru ta' bojkotts li kienu jsiru. Fost dawn kien hmem il-bojkott tat-televiżjoni ta' l-istat, li dak iż-żmien kien l-uniku stazzjon televiżiv lokali, kif ukoll f'ċerti retail outlets. In-numru ta' theddid u tqegħid ta' bombi ma' djar ta' nies prominenti żdied u dan inevitabilment ġab miegħu instabbilità kbira fil-pajjiż.
Il-PN beda jaħdem biex iġib sostenn mis-setturi tas-soċjetà Maltija, kif ukoll mill-alleati politiċi barra l-pajjiż. Kif kien mistenni, id-Demokristjani u l-Konservattivi Ewropej taw l-appogg taghhom lill-Partit Nazzjonalista. Anki l-President ta' l-Istati Uniti ta' dak iz-zmien, Ronald Reagan irrifjuta kontinwement l-invit ghal-zjara ufficjali minghand il-President ta' Malta, Agatha Barbara.
Mintoff kien ippropona li Mifsud Bonnici jiġi mlaħħaq Deputat Mexxej tal-Partit u fil-fatt dan ġie elett bħala deputat mexxej fid-29 ta' Mejju, 1980.
Fil-15 t'Ottubru, 1982 Dott. Karmenu Mifsud Bonnici ġie appuntat Mexxej tal-Malta Labour Party wara mozzjoni minn Dom Mintoff. Huwa ġie co-opted fil-Parlament fit-2 ta' Mejju, 1983 u ġie appuntat Ministru ta' l-Edukazzjoni.
Fil-finanzjarja ta' l-1983 il-friża fuq il-pagi u l-prezzijiet kienu probabilment l-iktar temi diskussi u li sabu oppożizzjoni.
Fl-1984 kien hemm kontroversja oħra wara dik li nqalgħet bejn il-Knisja u l-Gvern fejn tidħol l-edukazzjoni. Il-Gvern ried li ssir reviżjoni tal-pagi ta' l-għalliema. Dan wassal għal bosta strajks ordnati mill-MUT (Malta Union of Teachers). Splodiet ukoll bomba ħdejn bini li kien jappartjeni lil xi qraba tal-president ta' l-Union. Intantime, fl-10 ta' Ottubru 1984 il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions ta' Malta ordnat strajk ġenerali bħala turija ta' simpatija lejn għalliema. Kien hemm ukoll kritika internazzjonali mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions u bosta organizzazzjonijiet u unions internazzjonali.
Fit-22 ta' Diċembru, 1984 Mintoff irreżenja minn Prim Ministru ta' Malta u minn floku laħaq Karmenu Mifsud Bonnici.
Dom Mintoff żamm is-siġġu tiegħu fil-Parlament wara r-riżenja tiegħu minn Prim Ministru u xorta baqa' attiv politikament avolja ma baqax il-mexxej tal-partit. Beda jissuġġerixxi li jsiru emendi kostituzzjonali rigward is-sistema elettorali u l-Presidenza. Mintoff issuġġerxxa li minflok Presidenza Kostituzzjonali kif inhi fil-preżent, tiddaħħal sistema simili għal dik fl-Istati Uniti u Franza, jiġifieri Presidenza Ezekuttiva. Minħabba dawn is-suġġerimenti, ħafna kienu dawk li ħasbu li Mintoff kien qed iwitti t-triq u jippjana r-ritorn tiegħu bħala President ta' Malta. Dan imma ma seħħx.
Fl-20 ta' Diċembru 1986 intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partiti u sar il-bdil neċessarju.
1. Malta kellha tkun newtrali u non-aligned;
2. Kull intervent barrani kellu jiġi meqjus bħala corrupt practice;
3. Ilo-Partit li jġib il-maġġornaza ta' voti fl-elezzjonijiet ġenerali kellu d-ritt li jiggverna l-pajjiż.
64 minn 65 membru vvutaw favur dawn l-emendi, b'wieħed biss jivvota kontra.
[editja] 1990-1998
Dom Mintoff reġa' ikkontesta l-elezzjonijiet ta' l-1992 u ta' l-1996 li kellha tkun l-aħħar tieghu, u xorta baqa' jgawdi minn sostenn enormi avolja kien għadda ħafna żmien minn l-ewwel elezzjoni li kkontensta lura fl-1947. Bejn l-1996 u l-1998, Mintoff kien membru tal-Gvern Laburista immexxi minn Dr. Alfred Sant avolja kellu iktar minn 80 sena.
Mintoff reġa' kien fl-aħbarjiet fl-1998 meta fil-Parlament ivvota kontra l-MLP fuq proġett relatat ma' l-iżvilupp tal-Kottonera propost mill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Dr. Alfred Sant. Din il-mossa min-naħa ta' Mintoff kienet daqqa ta' ħarta lill-partit fil-gvern peress li dan kellu biss maġġoranza ta' siġġu wieħed fil-Parlament. Għaldaqstant, Sant ma kellu l-ebda triq oħra ħlief li jsejjaħ elezzjoni ġenerali prematura wara biss sena u tmien xhur ta' tmexxija – liema elezzjoni ġiet mirbuħa mill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Dr. Edward Fenech Adami. Mintoff ma kienx ikkontesta fl-elezzjoni ta' l-1998, u lanqas f'dik ta' warajha ta' l-2003, għalkemm ta' min jgħid li sadanittant flimkien ma' Karmenu Mifsud Bonniċi beda moviment magħruf bħala Front Maltin Inqumu (FMI) li kien involut f'kampanja sħiħa indirizzata kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.
[editja] Titli u Rikonoxximenti
Ħafna pajjiżi taw ir-rikonixximent tagħhom lejn Mintoff. Fl-1971 ġie mogħti l-Ordni tar-Repubblika mill-Libja, u fl-1972 it-Tuniżija tagħtu l-Grand Cordon de l'Ordre de la Republique. Fl-1976 ġie onorat bid-dottorat Onoris Causa mill-Università ta' l-Istudji Politiċi, Ponterios il-Greċja, u l-Marokk iddekoratu bl-Ordni tal-Gran Cordon of Oissam Alaouite fl-1978.
Preċedut minn: - |
Segretarju Ġenerali ta' l-MLP 1935–1937 |
Suċċedut minn: - |
Preċedut minn: - |
Ministru tar-Rikostruzzjoni 1947–1949 |
Suċċedut minn: - |
Preċedut minn: Paul Boffa |
Mexxej tal-Malta Labour Party 1949–1984 |
Suċċedut minn: Karmenu Mifsud Bonnici |
Preċedut minn: Ġorġ Borg Olivier |
Prim Ministru 1955–1958 |
Suċċedut minn: Ġorġ Borg Olivier |
Preċedut minn: Ġorġ Borg Olivier |
Prim Ministru 1971–1984 |
Suċċedut minn: Karmenu Mifsud Bonnici |