Tuberkulożi
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
It-tuberkulożi (magħrufa u mqassra bħala TB) hija marda ikkawżata minn infezzjoni tal-batterju Mycobacterium tuberculosis, li komunement taffettwa l-pulmun iżda tista' wkoll taffettwa s-sistema nervuża ċentrali (meninġitè), is-sistema limfatika, is-sistema ċirkulatorja, is-sistema ġenito-urinarja, l-għadam u l-ġogi.
It-tuberkulożi hija waħda mill-iktar mardiet infettivi komuni u qattiela li nsibu llum il-ġurnata u tinfetta madwar żewġ biljun ruħ, jew terz (WHO TB) tal-popolazzjoni tad-dinja. Kull sena, jkun hawn madwar 9 miljun każ ġdid li jirriżultaw fil-mewt ta' kważi żewġ miljun ruħ (ħafna minnhom f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. Però, pajjiżi żviluppati m'humiex eżenti mill-piż ta' dil-marda. Hemm numru dejjem jikber ta' nies fil-pajjiżi żviluppati li jinħakmu minn dil-marda minħabba li jkollhom is-sistema immunitarja kompromessa, tipikament minħabba drogi immunosopressivi jew HIV/AIDS. Dawn huma l-iktar nies f'riskju li jkunu infettati u jimirdu bit-TB.
Daqs 90% ta' dawk infettati għandhom infezzjoni latitanti asimptomatika (LTBI; latent TB infection). Hemm ċans ta' 10% li l-LTBI tipprogressa lejn TB li, jekk ma tiġix ikkurata, toqtol iktar minn 50% ta' dawk infettati. It-TB hija waħda mit-tliet mardiet infettivi l-aktar qerrieda fid-dijna: it-TB toqtol maż-2 miljun ruħ u l-malarja toqtol madwar miljun ruħ.
In-nuqqas ta' programmi ta' kontroll tat-TB, HIV/AIDS u immigrazzjoni ikkawżaw qawmien tat-tuberkulożi. Qed ikun hawn ħafna varjanti tal-batterju tat-TB li huma reżistenti għall-bosta mediċini (MDTB; Multiple drug resistant strains of TB) u (XDR-TB; Extreme Drug-Resistance in Tuberculosis). Fl-1993, il-World Health Organization iddikjarat it-TB bħala emerġenza globali għas-saħħa u l-iStop TB Partnership ipproponiet Pjan Globali biex Titwaqqaf it-Tuberkulożi li huwa mmirat sabiex isalva 14-il miljun ruħ bejn l-2006 u l-2015.
Dan l-artiklu huwa abbozz (stub). Jekk tista', ikkontribwixxi issa biex ittejbu, dejjem skond il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. Għal-lista kompluta ta' abbozzi, ara l-kategorija relatata. |