Pjaneta
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Pjaneta huwa korp ċelesti ta' massa sinjifikattiva li jorbita madwar stilla, u li ma jipproduċix enerġija permezz ta' fużjoni nukleari. Qabel is-snin '90 kienu magħrufa biss disa' pjaneti (kollha fis-Sistema Solari tagħna). Fl-aħħar ta' l-2002, kienu iktar minn 100 pjaneta magħrufa, kollha skopruti bħala pjaneti extrasolari.
Il-kelma pjaneta ġejja mill-Grieg, mill-kelma li kienet tintuża għal vagabond. Fl-astronomija antika, il-pjaneti vagabondi kienu l-korpi ċelesti viżibili li kienu jbiddlu l-koordinati ċelesti ekwatorjali. Dawn kienu l-Qamar, ix-Xemx, Merkurju, Venere, Marte, Ġove, u Saturnu. Għal sekli sħaħ l-astronomi fittxew spjegazzjoni għaċ-ċaqliq tal-pjaneti li jidhru jivvagabondaw fuq l-isfond tal-kwiekeb ‘fissi’. Kien fis-seklu sbatax meta Johannes Kepler iddetermina li huma jorbitaw max-Xemx f’orbiti ellitiċi, li ċ-ċaqliq tagħhom kien kompletament mifhum.
L-astronomi ħafna drabi jsejħu l-asterojdi "pjanetini" (pjaneti żgħar), u l-korpi planetari ikbar (dawk li normalment jissejħhu pjaneti) "pjaneti maġġuri". Il-pjaneti tas-Sistema Solari jistgħu jinqasmu f'żewġ kategoriji skond il-kompożizzjoni tagħhom. Dawk li jixbħu d-Dinja (komposti prinċipalment minn ġebel) huma magħrufa bħala pjaneti terrestri. It-terrestri huma relattivament żgħar, komposti prinċipalment minn blat u metalli, u għandhom atmosferi rqaq. L-atmosferi differenti jikkawżaw il-kundizzjonijiet fuq il-wiċċ ta’ kull pjaneta terrestri biex ivarjaw konsiderevolment. Id-Dinja tagħna biss, bl-oċeani vasti tagħha u bl-atmosfera rikka bl-ossiġnu u nitroġenu, hija kapaċi li żżomm forma ta’ ħajja avvanzata.
Dawk komposti minn materjal gassuż, bħal Ġove, huma magħrufa bħala Ġovjani, jew inkella ġganti gassużi. L-erba' pjaneti gassużi, huma: Ġove nnfisu, Saturnu, Uranju u Nettunu, huma komposti l-iktar minn idroġenu u elju. Ġove huwa l-ikbar u l-iktar pjaneta massiv fis-sistema solari, iżda anki Nettunu — l-iżgħar mill-pjaneti Ġovjani — għandu dijametru erba’ darbiet iżjed minn dak tad-Dinja.
Xi drabi tiġi wżata kategorija oħra għal dawk il-korpi bħal Plutone, komposti prevalentement minn silġ: din il-kategorija ta' pjaneti tinkludi wkoll ħafna korpi non planetari, bħal qmura ta' pjaneti esterni (per eżempju Titanju).
Werrej |
[editja] Il-Pjaneti tas-Sistema Solari
Il-pjaneti tas-Sistema Solari huma (f'ordni ta' distanza mix-Xemx):
- Merkurju
- Venere jew Zahrija
- Dinja bil-Qamar, ħafna drabi kkunsidrata bħala pjaneta doppju
- Marte jew Mars jew Il-Hamra
- Ġove
- Saturnu
- Uranju
- Nettunu
Sa ftit żmien ilu (Awissu 2006) Plutone kien jitqies ukoll bħala pjaneta, iżda llum dan m'għadux jitqies bħala tali iżda bħala pjaneta nanu; bħala l-ikbar asterojda tal-faxxa ta' Kuiper.
Il-pjaneti kollha tas-Sistema Solari (minbarra d-Dinja) għandhom isimhom li ġej mill-mitoloġija Rumana. Anki l-ismijiet tal-qmura ġejjin minn ismijiet ta' allat jew ta' persunaġġi tal-mitoloġija klassika, u xi mdaqqiet anki minn karattri tad-drammi ta' Shakespeare. L-asterojdi jistgħu jiġu msemmija, b'diskrezjoni ta' min skoprihom, b'isem kwalunkwe (bl-approvazzjoni ta' l-Unjoni Astronomika Internazjonali).
Ġew proposti ħafna pjaneti ipotetiċi, bħal Eris iżda dan bħal Plutone qed jiġi kkunsidrat bħala Pjaneta nanu. Eris (uffiċjalment 136199 Eris, u qabel 2003 UB313) kien skopert minn Michael E. Brown, Chad Trujillo, u David Rabinowitz fil-5 ta' Jannar, 2005, minn ritratti li ġew meħuda fil-21 ta' Ottubru, 2003. Huma riedu jagħtuha l-isem Ksina (en: Xena) iżda l-Unjoni Astronomika Internazjonali, l-għaqda internazzjonali tal-Astronomija tatha l-isem tal-alla Grieg tad-diżarmonija, Eris. L-isem latin hu Discordia. Wieħed mir-raġuni għala intgħażel dan l-isem hu biex jirrifletti t-taħwid u l-konfużjoni li hemm fil-komunità ta' l-astronomi dwar in-natura ta' l-oġġett (il-pjaneta nana).
Kważi il-pjaneti extrasolari kollha (dawk barra s-Sistema Solari) skoperti s'issa għandhom massa daqs jew ikbar minn ta' Ġove, l-ikbar pjaneta tagħna (l-unika eċċezzjoni hija komposta minn tliet pjaneti orbitanti pulsar, il-bqija ta' splużjoni ta' supernova. Dawn huma l-uniċi tliet pjaneti extrasolari ta' massa simili għad-Dinja). Il-mottiv huwa derivat minn effett ta' selezzjoni, li fih l-istrumenti tagħna huma kapaċi li jaraw biss pjaneti kbar ħafna u biswit għall-istilla tagħhom, għax l-effetti gravitazzjonali tagħhom huma ikbar u allura iktar faċli li jidhru. Jeżistu probabilment, ħafna iktar pjaneti extrasolari li għadna ma nistgħux niskopru. Barra minn hekk, huwa probabbli li l-pjaneti skopruti s'issa, mhux simili għall-ġganti gassużi li nafu, għax huma tant viċin l-istilla tagħhom li għandhom temperaturi elevati (anki sa' eluf ta' gradi għal xi wħud), u spiss ikollhom orbita altament ellittika, li twassalhom alternattivament, viċin u 'l bogħod mill-istilla tagħhom.
Huwa maħsub li l-pjaneti ġew ffurmati fil-kollass tan-nebulosa stess, li kienet l-oriġini ta' l-istilla ċentrali. Il-mudelli ta' formazzjoni planetarja, jipprevedu li fil-bidu jiffurmaw biljuni ta' korpi żgħar ħafna, li eventwalment jingħaqdu u jiffurmaw korpi ikbar meta jaħbtu ma' xulxin.
[editja] Il-pjaneti fl-opri letterarji u ċinematografiċi
Vuċi prinċipali: Pjaneti immaġinarji
L-esplorazzjoni ta' pjaneti oħra huwa tema kostanti tal-fantaxjenza, speċjalment b'rabta ma' forom ta' ħajja aljeni. Tnejn mill-iktar serje televiżivi fantaxjentifiċi ċelebri, Star Trek u Stargate SG-1, huma bbażati fuq is-sejba ta' pjaneti u ċiviltajiet ġodda.
[editja] Referenzi
- Britt, Robert Roy: "What is a Planet? Debate Forces New Definition (1)", space.com, (2000-11-02)
- Britt, Robert Roy: "What is a Planet? Debate Forces New Definition (2)", space.com, (2000-11-02)
- Britt, Robert Roy: "Likely First Photo of Planet Beyond the Solar System", space.com, (2004-09-10)
- “Scientists reveal smallest extra-solar planet yet found:one fifth Pluto's mass”, Pennsylvania State University (2005-02-11)
- S. Alan Stern and Harold F. Levison (2000). "Regarding the Criteria for Planethood And Proposed Planetary Classification Schemes." 2000-11-11.
[editja] Links esterni
- NinePlanets.org - dawra mas-Sistema Solari
- International Astronomical Union
- Solar System Live (orrery interattiva)
- Solar System Viewer (animazzjoni)
- Stampi tas-sistema solari
- Renderings of the planets
- NASA Planet Quest
- Working definition of "planet" from IAU WGESP —
- Dan Green's page on planet classification
- Gravity Rules: The Nature and Meaning of Planethood; S. Alan Stern; 22 ta' Marzu, 2004
- On the status of Pluto; IAU, 3 ta' Frar, 1999
[editja] Links Interni
Is-Sistema Solari |
---|
Xemx · Merkurju · Venere · Art · Marte · Ġove · Saturnu · Uranju · Nettunu |
Qmura - Asterojdi: Faxxa prinċipali, Faxxa ta' Kuiper, Nube ta' Oort - Kometi - Stillel l-iktar viċin - Pjaneti Nani |